Tuesday, December 24, 2024

L-ewwel super-eroj Asjatiku

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Is-sogru li ħadet il-Marvel meta ffukat film fuq wieħed mill-karattri l-anqas magħrufa ħalla riżultati aħjar minn dawk mistennija fil-box office.  Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet iddebutta fit-teatri Amerikani “Shang-Chi and the Legend of the Ten Rings” u fl-ewwel tlitt ijiem kellu dħul ta’ $71.4 miljun fil-box office Amerikana.  Il-previżjoni kienet li d-dħul ikun ta’ bejn $45 u $50 miljun.  B’hekk, dan il-film kellu t-tielet l-aħjar ftuħ fl-era tal-Covid, wara “Black Widow” u “Fast & Furious 9”.  It-Tnejn kienet festa pubblika fl-Istati Uniti (Labor Day) u allura d-dħul kompla jogħla u qabeż sew it-$80 miljun.

Kif sejrin taqraw fl-analiżi ta’ dan il-film, “Shang-Chi” hu dwar ex-qattiel li jrid jgħix mal-legat ta’ missieru li kien wieħed vendikattiv u jopera sindikat kriminali.  Dan hu l-ewwel blockbuster tal-Marvel fejn is-super-eroj hu Asjatiku.

Għal dik li box office ta’ tmiem il-ġimgħa fl-Amerika, il-film tal-orrur “Candyman” niżel fit-tieni post.  Fit-tliet postijiet l-oħra tal-aqwa ħamsa, wieħed isib: “Free Guy” b’Ryan Reynolds; il-film animat “Paw Patrol” u fil-ħames post il-film tal-avventura “Jungle Cruise” b’Dwayne Johnson u Emily Blunt.

Shang-Chi And The Legend Of The Ten Rings

Ma nagħti tort lil ħadd jekk ma smajtx bil-karattru ta’ Shang-Chi, sakemm mhux ammiraturi tal-karattri tal-super-eroj tal-Marvel.  Imma naħseb li wara li ħareġ dan il-film iffukat fuqu, dan il-karattru Asjatiku ser iwessa aktar l-ispettru ta’ karattri li għandha x’toffri l-Marvel Cinematic Universe.  Dan hu film li b’mod partikolari ser jattira udjenza ta’ nisel Asjatika bħalma “Black Panther” appella ħafna għall-komunitajiet Afro-Amerikani.

Għall-parti prinċipali ġie magħżul Simu Liu, attur imwieled fiċ-Ċina imma li emigra lejn il-Kanada ta’ 5 snin.  Magħruf l-aktar ma’ l-udjenza televiżiva Amerikana għall-parti li kellu fis-sitcom ‘Kim’s Convenience’.

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Destin Daniel Cretton, il-Marvel għażlu kast ta’ ismijiet magħrufa biex jikkumplimentaw attur ġdid ma’ udjenzi taċ-ċinema. Michelle Yeoh u Tony Leung jidhru bħala z-zija Ying Nan u il-missier Xu Wenwu.  Naraw ukoll lil Awkwafina fil-parti ta’ Katy li tkun l-akbar ħabiba ta’ Shang-Chi, tkun taħdem miegħu, imma fil-bidu ma jkollix idea fuq il-passat tiegħu.

Sa mill-bidu nett tal-film, id-direttur Cretton jagħżel l-ispettaklu maħluq mill-artifiċjalità taċ-CGI fuq il-plawsibilità tan-narattiva.  Wara kollox, dan hu film tas-super-eroj.  

Eluf tas-snin ilu, Xu Wenwu ikun sab it-Ten Rings, li huma armi mistiċi li jagħtu poter lil sidhom ikunu immortali u b’qawwa tremenda.  Wenwu jiġbor miegħu armata ta’ ġellieda li jirbħu ħafna artijiet.  Wara, Wenwu jibda jfittex il-villaġġ ta’ Ta Lo, li skont il-leġġendi, kellu bhejjem mitiki u setgħu jgħinuh jespandi aktar l-imperu tiegħu.  Hemmhekk, Wenwu jiltaqa’ ma’ Ying Li (Fala Chen).  Dawn it-tnejn isiru maħbubin, u jkollhom żewġt itfal: Shang-Chi u Xialing (Meng’er Zhang).  Jiġri li Ying Li tinqatel minn gang rivali u Wenwu ikun irid vendetta.  Shang-Chi jiġi ttrenjat fl-arti marzjali u meta jkollu 14-il sena, jiġi mibgħut biex joqtol lill-mexxej tal-gang li ħasad il-ħajja ta’ ommu.  Shang-Chi iħossu trawmatizzat wara din il-missjoni u jiddeċiedi li jaħrab lejn il-belt ta’ San Francisco biex jibda ħajja ġdida taħt l-isem ta’ Shaun.

Meta darba jkunu fuq xarabank, Shang-Chi u Katy jisfaw attakkati minn Razor Fist (Florian Munteanu).  Shang-Chi jeħodha kontrih imma wara l-ġlieda jintebaħ li l-pendent li kienet tatu ommu ma kienx għadu fuqu.  Beżgħan li ser imorru għall-oħtu Xialing biex jeħdulha l-pendent ta’ ommhom, Shang-Chi ikollu jgħid kollox lil Katy, li wara taċċetta li tgħinu.  Huma jsibu lil Xialing ġo klabb f’Makaw fejn jiġu organizzati l-ġlied bejn in-nies, li jkun propjeta ta’ Xialing.  Din ikollha riżentament lejn ħuha u missierha.  Kif Shang-Chi kien basar, il-klabb jisfa attakkat fejn bla mistenni jitfaċċa wkoll Wenwu.

Fuq il-paġni tal-komiks, missier Shang-Chi kien il-famuż bniedem mill-agħar, Fu Manchu.  Minħabba kwistjoni ta’ drittijiet, l-isem u dettalji dan il-karattru kellhom jinbidlu.  

Id-direttur Cretton jidher li kien konxju li jekk il-film seta jkollu suċċess, ried jevita l-ħafna sterjotipi li issa rajna fil-films tal-Marvel Cinematic Universe (u tad-DC Extended Universe). Hemm mumenti fejn jirnexxilu; f’oħrajn kellu anqas suċċess.

“Shang-Chi and the Legend of the Ten Rings” (Walt Disney Studios) hu l-25 film fil-Marvel Cinematic Universe.  Ta’ min wieħed jiftakar li fit-tmeninijat, Stan Lee għamel sforz biex joħloq kemm film, kif ukoll serje televiżiva bil-karattru ta’ Shang-Chi.  F’moħħu kellu li jagħti l-parti lil Brandon Lee, iben is-superstar magħruf fl-arti marzjali Bruce Lee.  Stan Lee kien isostni li viżwalment kien jara lil Shang-Chi qiesu Bruce Lee u allura Brandon Lee kien ideali għall-parti.  Kollox tar mar-riħ meta fl-1993, Brandon Lee miet traġikalmnet fuq is-sett tal-film “The Crow”.  Brandon Lee kellu 28 sena.

Gwida għal min ser jarah: ikklassifikat 12A (persuni taħt it-12-il sena jridu jkunu akkumpanjati mill-ġenituri) għax fih vjolenza moderata, theddid, xeni bid-dmija u anke kliem goff.

Ekonomija

Sport