L-eżekuzzjoni ta’ raġel se tixxandar live

Aqra wkoll

Il-pubbliku se jkun jista’ jsegwi b’mod dirett l-eżekuzzjoni ta’ eks maġġur tal-Armata tal-Istati Uniti li kien ikkundannat għal mewt. Huwa se jinqatel minn skwadra tal-isparar, deċiżjoni li tħabbret mis-Segretarju tad-Difiża tal-Istati Uniti, Pete Hegseth.

L-eżekuzzjoni ta’ l-eks maġġur Nidal Hasan – li fl-2009 qatel 13-il suldat Amerikan li ma kienux armati f’Fort Hood – se tixxandar direttament online.

Huwa maħsub li din se tkun l-ewwel eżekuzzjoni pubblika fl-Istati Uniti fi kważi seklu sħiħ. Id-deċiżjoni li din tixxandar b’mod dirett hija waħda bla preċedent fl-era moderna u tinvolvi sitwazzjoni legali inċerta, skont avukat li jaħdem ma’ priġunieri kkundannati għall-mewt.

Is-Senatur Demokratiku Chris Murphy qal mas-CNN li x-xandir dirett ta esekuzzjoni huwa “mistkerrah” u jfakkar fl-eżekuzzjonijiet li kienu ġew imwettqa mill-grupp tal-Istat Iżlamiku.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Pentagon ħabbar li kien se jwettaq l-eżekuzzjoni ta’ Hasan – l-ewwel eżekuzzjoni militari f’aktar minn 60 sena.

Nidal Hasan, psikjatra fl-Armata tal-Istati Uniti mill-istat ta’ Virginia, ammetta li spara u qatel lity-13-il suldat f’bini mediku li kien mimli nies f’Fort Hood.

Alonzo Lunsford, eks surġent tal-Armata tal-Istati Uniti li ntlaqat minn seba’ tiri waqt l-attakk, qal lill-programm Today tal-BBC li kien favur l-eżekuzzjoni permezz ta’ skwadra tal-isparar, bħala metodu xieraq għal dak li Hasan għamel.

F’intervista mal-istazzjon televiżiv konservattiv Real America’s Voice, is-Segretarju tad-Difiża Pete Hegseth stqarr li Hasan se jiffaċċja skwadra tal-eżekuzzjoni magħmula minn suldati, kif suppost u kif għandu jkun. Kelliem għall-Pentagon qal nhar it-Tnejn li Trump kien approva r-rakkomandazzjoni tas-Segretarju tad-Difiża. 

Filwaqt li s-sena l-oħra saru aktar minn 2,700 eżekuzzjoni fi 17-il pajjiż, żewġ pajjiżi biss wettquhom fil-pubbliku. Skont Amnesty International, fl-2025 twettqu ħdax-il eżekuzzjoni pubblika fl-Iran u sitta oħra fl-Afganistan.

L-eżekuzzjoni ta’ Hasan minn skwadra tal-isparar, hija skedata li ssir f’Fort Hood f’Texas, fit-3 ta’ Diċembru, kif ħabbar is-Segretarju tal-Armata tal-Istati Uniti. Din se tkun l-ewwel eżekuzzjoni militari mwettqa minn skwadra tal-isparar mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport