Persuna arrestata b’rabta ma’ serqa minn ħanut f’Raħal Ġdid

Aqra wkoll

Investigazzjonijiet intensivi mill-Pulizija b’rabta ma’ serqa minn ħanut f’Raħal Ġdid ħalliet ilfrott hekk kif fi ftit sigħat, l-allegat ħalliel, raġel ta’ 44 sena residenti Santa Luċija, ġie arrestat. Il-każ seħħ nhar il-Ħamis, meta għall-ħabta tat-2:40 a.m., waqt li l-Pulizija kienu fuq ronda fi Pjazza Antoine De Paule, f’Raħal Ġdid, innotaw vetrina ta’
ħanut imkissra.

Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li vettura, tal-għamla Toyota, daħlet filvettrina u mill-karozza niżlet persuna fejn allegatament serqet numru ta’ oġġetti u wara ħarbet minn fuq il-post. Minnufih bdiet tfittxija għal din il-vettura fejn din instabet abbandunata fi Triq Xintill, Ħal Tarxien.

Minn aktar investigazzjonijiet irriżulta li din kienet insterqet ftit tal-ħin qabel minn Ħal Tarxien stess u rriżulta wkoll li l-allegat ħalliel, wara li abbanduna l-ewwel vettura, telaq b’vettura oħra. Ftit mumenti wara, il-Pulizija identifikat din it-tieni vettura fejn instabet f’Santa Luċija, bil-persuna suspettata li wettqet is-serqa ġo fiha. Huwa ġie arrestat fuq il-post.

Filwaqt li r-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana għal aktar investigazzjonijiet, huwa mistenni jitressaq il-Qorti illum għall-ħabta tal-11:00 a.m., quddiem il-Maġistrat Dr Nadine Sant Lia LL.D.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport