Tuesday, May 14, 2024

L-għada tal-Għid il-Kbir Heritage Malta se tiftaħ il-Main Guard għall-pubbliku

Aqra wkoll

Nhar it-Tnejn 18 ta’ April, li jaħbat l-għada tal-Għid il-Kbir kif ukoll il-Jum Internazzjonali tal-UNESCO għas-Siti u l-Monumenti, Heritage Malta se terġa’ toffri lill-pubbliku l-opportunità li jżur il-bini tal-Main Guard fil-Belt Valletta.

F’dan il-bini uniku dan l-aħħar saru xogħlijiet estensivi ta’ restawr u konservazzjoni li permezz tagħhom reġgħu ħadu l-ħajja wkoll mijiet ta’ pitturi żgħar li jżejnu l-ħitan tas-sala li kienet isservi bħala Officers’ Mess. Il-viżitaturi se jkunu jistgħu jiltaqgħu ma’ wħud mill-konservaturi u jistaqsuhom dwar ir-restawr li sar. Waranofsinhar se jkun preżenti wkoll l-espert militari Denis Darmanin, li se jipprovdi tagħrif dwar dan il-bini storiku.

Il-Main Guard aktarx li nbena lejn il-bidu tas-seklu 17 mill-Gran Mastru Alof de Wignacourt biex iservi bħala l-kwartieri tal-għassiesa tal-Palazz tal-Gran Mastru, li jinsab eżatt faċċata tiegħu. Għal aktar minn 350 sena, sal-bidu tas-snin 70 tas- seklu 20, il-binja tal-Main Guard baqgħet taqdi din l-istess funzjoni.

Fi żmien l-Ingliżi fil-Main Guard tpittru mijiet ta’ kwadretti li fil-parti l-kbira tagħhom jinsabu f’dik li kienet l-Officers’ Mess — is-sala fejn is-suldati Ingliżi li xogħolhom kien li jgħassu l-Palazz, kienu jieklu u jistrieħu waqt li jistennew il-ħin isir għax-shift li jmiss. Wieħed mill-modi kif is-suldati kienu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom kien billi jpittru xenetti fuq il-ħitan. Hemm aktar minn 300 minn dawn il-pitturi – uħud minnhom saħansitra skoperti dan l-aħħar, waqt li kien għaddej ix-xogħol ta’ konservazzjoni u restawr.

Fit-18 ta’ April il-Main Guard se jkun miftuħ mill-10.00am sal-4.00pm. Il-prezz tad-dħul huwa €2 għall-adulti, l-anzjani u l-istudenti. Il-membri ta’ Heritage Malta u tfal taħt il-11-il sena jidħlu b’xejn. Il-biljetti jistgħu jinxtraw biss mill-bieb.

Is-siti u l-mużewijiet li ġejjin, u li s-soltu jinżammu magħluqin nhar ta’ Tnejn, se jkunu miftuħin ukoll fit-18 ta’ April: it-Tempji tal-Ġgantija, il-Mitħna Ta’ Kola, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, MUŻA, il-Forti Sant’Iermu, il-Forti Sant’Anġlu, it-Tempji ta’ Ħal Tarxien, Ħaġar Qim u l-Katakombi ta’ San Pawl.

Sport