Ktibt dan il-kummentarju nhar it-Tnejn li għadda meta allura l-għalliema kienu qegħdin jobdu direttiva għal azzjoni industrijali ordnata mill-union tagħhom. Nhar it-Tnejn l-għalliema ma daħlux għax-xogħol. Apposta ma stennejtx il-kumplament tal-ġimgħa u allura l-iżviluppi li setgħu jseħħu. Biex l-argument tiegħi ma jkunx ikkundizzjonat. Fl-istess waqt kelli l-benefiċċju tal-għarfien ta’ x’kienet l-aħħar pożizzjoni tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni dwar is-sitwazzjoni kif riflessa f’diskorsi li għamlu l-ġurnata ta’ qabel, il-Ħadd, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech waqt attivitajiet politiċi l-Marsa u l-Isla rispettivament.
Se nibbaża l-argument fuq dak rappurtat dwar id-diskorsi tagħhom mill-ġurnali ‘l-orizzont’ u ‘In-Nazzjon’ rispettivament. Nippretendi, u naħseb, li ż-żewġ sorsi kienu leali f’dak li rrappurtaw.
Dwar id-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela l-ġurnal ‘l-orizzont’ bit-titlu IL-GVERN BI PROPOSTA B’SAĦĦITHA GĦALL-EDUKATURI rrapporta lill-Prim Ministru jgħid li għalkemm il-laqgħat ta’ konċiljazzjoni ma ntemmewx bir-riżultat mixtieq, il-Gvern qatt ma qal li ma jridx ikompli jiddiskuti. Però, saħaq li jerġgħu jpoġġu madwar il-mejda mal-mument li jkunu rtirati l-azzjonijiet industrijali. “Fuq il-mejda tan-negozjati poġġejna proposta b’saħħitha ħafna li tagħmel ġustizzja mal-edukaturi. Proposta li hi ferm u ferm aktar b’saħħitha miż-żidiet li konna tajna ħames snin ilu fir-reviżjoni tal-aħħar ftehim kollettiv.
“Dan għax mhux sew ibatu t-tfal meta hemm proposta li ttejjeb b’mod qawwi l-kundizzjonijiet tal-edukaturi tagħna. Dan hu Gvern tal-ħaddiema u għalhekk lesti nibqgħu niddiskutu, iżda mhux bl-azzjonijiet. Bit-theddid ma jsirux diskussjonijiet,” kompla jgħid Dr Abela.
Il-Prim Ministru sostna wkoll kif dan il-Gvern mhux talli jżomm mal-ftehim li jiffirma imma talli jmur oltre. Żied ifakkar kif taħt Gvern Nazzjonalista, l-għalliema tħallew bi ftehim li ma jiskadi qatt. Min-naħa l-oħra, Il-Prim Ministru qal li dan il-Gvern, ħames snin ilu ta ftehim u dan ingħata skadenza għax bħal f’setturi oħra l-kundizzjonijiet iridu jitjiebu kull tant żmien. Huwa esprima l-konvinzjoni tiegħu li kif waslu ma’ tant u tant ħaddiema, hekk ukoll se jaslu għal ftehim li se jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-għalliema.
Fir-rigward ta’ dak li qal Bernard Grech, Kap tal-Oppożizzjoni, il-ġurnal In-NAZZJON taħt ir-ras ROBERT ABELA MA JISTAX JIBQA’ JIXXAĦĦAĦ MAL-EDUKATURI rrapporta li “Bernard Grech insista li l-edukaturi f’pajjiżna mhux qed jiġu stmati biżżejjed. Dan apparti li ma jitħallsux għall-ħin li jqattgħu wara l-ġurnata tax-xogħol tagħhom jippreparaw għal-lezzjonijiet tal-għada. Bernard Grech insista li numru kbir ta’ għalliema mhux qed ikollhom għażla oħra ħlief li jsibu impjieg ieħor minħabba li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi dejjem sejrin lura.”
Qabel inkompli rrid niġbed l-attenzjoni għall-fatt li fir-rigward ta’ Dr Bernard Grech ‘l-orizzont’ irrapporta wkoll li Dr Grech qal li l-edukaturi ma jistgħux jagħmlu overtime, anzi ħafna drabi jkollhom jagħmlu xogħol addizzjonali wara l-ħin li ma jistgħux jitħallsu tiegħu. “Però ninsew li l-edukatur ma jistax jieħu l-leave meta jrid. L-edukatur ma jistax jitlaq mill-klassi meta jrid. L-edukatur ma jistax jieħu vaganza meta jrid u meta jieħu vaganza jsib il-high season dejjem għax imur fl-festi u l-vaganzi.”
IN-NAZZJON għażel li dan t’hawn fuq iħallih barra. Ir-raġuni għal dan jafha l-Editur. Kulħadd liberu jasal għall-konklużjonijiet tiegħu.
L-argument ewlieni tiegħi: Gvern Nazzjonalista kien rabat lill-MUT bi ftehim li ma jiskadi qatt filwaqt li Gvern Laburista daħal fi ftehim b’terminu definit ta’ ħames snin. U allura wara dak it-terminu jsiru negozjati għal ftehim ġdid, ovvjament b’kundizzjonijiet aħjar.
X’differenza! Kull kelma oħra tkun żejda.