Friday, December 27, 2024

L-għamara fl-appartamenti ġodda ta’ Puttinu f’Londra se tinħadem mill-priġunieri

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-għamara kollha għall-appartamenti ta’ Puttinu Cares fiċ-ċentru ta’ Londra se jinħadmu mill-priġunieri tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Din se tkun inizjattiva importanti li se żżewweġ żewġ għanijiet mill-aktar sbieħ – il-ħtieġa li noffru wens lil min ikun għaddej minn mument diffiċli u r-rijabilitazzjoni ta’ persuni li naqsu lis-soċjetà iżda llum huma determinati li jagħtu xi ħaġa lura.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri fisser kif fl-aħħar snin il-Gvern iffoka ħafna fuq ir-rijabilitazzjoni tar-residenti tal-Faċilità Korrettiva, mhux biss permezz ta’ diversi professjonisti li llum huma impjegati mal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi imma wkoll bi ftehimiet ma’ għaqdiet mhux governattivi, liema koperazzjoni se twassal għall-ftuħ tat-tielet half-way house li se tkun l-ewwel waħda għall-persuni femminili.

“Il-fatt li persuni li żbaljaw f’ħajjithom, qed jiskontaw sentenza, iridu jaħdmu għar-rijabilitazzjoni tagħhom se jkollhom ċans li jkunu parti minn din il-ħolma mhux biss ta’ Puttinu imma tal-poplu Malti u Għawdxi, dik timla mhux biss lilna imma anke lilhom b’sodisfazzjon kbir,” qal il-Ministru Camilleri.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, Chris Siegersma, qal li l-involviment tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi f’dan il-proġett tirrifletti mhux biss id-dedikazzjoni tal-Aġenzija għal kawżi soċjali, iżda anke l-impatt li ser tħalli fuq il-ħajja ta’ dawk li huma fil-bżonn. Dan filwaqt li permezz tiegħu l-Aġenzija ser tkun qegħda toffri ċ-ċans lil persuni fil-ħabs ikompli jirrijabilitaw ruħhom, bil-għan li jmorru lura fis-soċjetà preparati u anke b’sens akbar ta’ responsabbiltà.

Il-President ta’ Puttinu Cares, Angele Cuschieri tenniet li dan il-proġett għandu jonora lill-pajjiż, fejn anke l-barranin jistagħġbu bl-għaqal tal-poplu Malti. Hija spjegat li Puttinu jgħin bejn 60 u 90 pazjent kull xahar li jkollhom ħtieġa ta’ kura speċjalizzata f’Londra.

Il-bini ta’ 29 appartament ieħor fiċ-ċentru ta’ Londra jinsab fi stadju avvanzat biex dawn ikunu għas-servizz tal-pazjenti Maltin. Huwa stmat li l-bini ta’ dawn l-appartamenti se jlaħħaq il-€25 miljun.

F’din il-konferenza tal-aħbarijiet, irrappreżentat lil familji li ser ikunu qegħdin jingħataw l-għajnuna permezz ta’ dan il-proġett Josefa Sammut, omm ta’ żewġt itfal li minħabba kundizzjoni rari kellha tirċievi kura l-Ingilterra, kull sitt ġimgħat għal għaxar snin.

Hi spjegat id-differenza kbira li dan il-proġett se jkun qiegħed jagħmel f’ħajjitha u tal-familja tagħha hekk kif din il-binja ser tkun viċin l-isptarijiet. Irringrazzjat u esprimiet is-sens ta’ apprezzament tagħha għall-ħidma li ser iwettqu l-priġunieri biex dawn l-appartamenti jibdew jilqgħu l-familji.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport