Monday, December 23, 2024

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tiddikjara li l-varjant Omicron huwa wieħed ta’ tħassib

Aqra wkoll

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat li l-varjant ġdid tal-Covid-19, li ngħata l-isem ta’ Omicron, huwa wieħed ta’ tħassib.

Dan hekk kif l-evidenza preliminari turi li dan għandu riskju akbar ta’ infezzjoni.

L-ewwel darba li dan il-varjant ġie rrappurtat lid-WHO kien proprju fl-24 ta’ Novembru meta kien instab fl-Afrika t’isfel. Il-vaċċinazzjoni f’dan il-pajjiż għaddej b’rittmu baxx ħafna hekk kif qed jiġi rrappurtat li sa issa huma biss 24% taċ-ċittadini mill-Afrika t’isfel li huma mlaqqma kompletament kontra l-Covid-19.

Ilbieraħ, id-WHO qalet li n-numru ta’ każijiet ta’ dan il-varjant, inizjalment imsejjaħ B.1.1.529, deher li qed jiżdied fi kważi l-provinċji kollha tal-Afrika t’Isfel.

“Dan il-varjant għandu numru kbir ta’ mutazzjonijiet, li wħud minnhom huma ta’ tħassib,” qalu fi stqarrija.

L-istess varjant ġie identifikat fil-Botswana, il-Belġju, Ħong Kong u l-Iżrael. Intant fl-aħħar sigħat ġie rrappurtat ukoll li kien instab l-ewwel każ ta’ dan il-varjant fl-Ewropa, proprju fil-Belġju.

Minħabba dan il-varjant, għadd ta’ pajjiżi madwar id-dinja issa ddeċiedew li jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-ivvjaġġar lejn u mill-Afrika t’Isfel, fosthom pajjiżna stess. 

Persuni li ġejjin mill-Afrika t’Isfel, in-Namibja, iż-Żimbabwe, il-Botswana, fost oħrajn, mhux se jkunu jistgħu jidħlu fir-Renju Unit sakemm ma jkunux ċittadini tar-Renju Unit jew Irlandiżi, jew residenti tar-Renju Unit.

Anke pajjiżi bħal Brażil u l-Awstralja introduċew restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar.

llbieraħ dan is-sit rrapporta wkoll tħassib dwar l-effettività tat-tilqim kontra varjant ġdid tal-Covid-19.

Ekonomija

Sport