“Minħabba dawn it-tip ta’ nies il-kultura Maltija u l-festi qegħdin jinqerdu għal kollox għax għax qegħdin ikunu ta’ xkiel għall-membri li diġà huma preżenti u ma jagħmlux kuraġġ liż-żgħażagħ tal-lum jieħdu sehem u jagħmlu membri tal-għaqdiet tal-festi”. Dan kien kumment fost oħrajn li saru wara li l-Għaqda Festi Esterni SSma Trinità Marsa ħabbret li ġiet mitluba permezz ta’ ittra ġudizzjarja qiegħda tintalab biex fi żmien xahar tiżgombra mis-sala li tuża.
L-Għaqda qalet li r-Reverendu Patri Ivan Scicluna O.F.M. Cap., fil-kariga tiegħu bħala Ministru Provinċjal tal-Aħwa Minuri Franġiskani Kappuċċini qiegħed jitlob biex jiżgumbraw mill-Jhansi Hall.
B’reazzjoni għal din l-aħbar ħażina, l-Għaqda Festi Esterni tat-Trinità tal-Marsa qalet li, “dan il-post beda jintuża mill-Għaqda tagħna 40 sena ilu biex jospita l-armar tal-festa tas-Santissima Trinità. Fil-fatt kienu l-Aħwa Minuri Franġiskani Kappuċini stess li wara li xtaqu li l-armar tal-festa ma jibqax jinżamm fil-kunvent tagħhom, offrew dan il-post biex ih jinżamm l-armar tal-festa u ssir il-manutenzjoni meħtieġa. Għal dawn l-aħħar 50 sena, dan ix-xogħol kien u għadu jsir b’sagrifiċċji kbar mill-membri tal-Għaqda tagħna”.
Periklu għal armar storiku u artistiku…
Minn informazzjoni li tat ingħad li għalkemm fl-aħħar snin l-Għaqda ħadet ħsieb li jkollha maħżen ieħor fejn tinżamm parti mill-armar, “Jhansi Hall jibqa’ kruċjali għall-ħidma tagħna. Minn dan il-post l-Għaqda mhux biss iżżomm l-armar, iżda tagħmel ukoll il-manutenzjoni fuq l-opri tal-armar li missirijietna ħallewlna b’tant sagrifiċċju”.
L-Għaqda b’dispjaċir innotat li jekk ir-Reverendu Patri Ivan Scicluna bħala Ministru Provinċjal se jibqa’ jinsisti li jiżgumbraw mill-imsemmija sala u se jieħu azzjoni ulterjuri bil-Qorti kif ġie indikat fl-ittra ġudizzjarja, “dan mhux biss se jimmina ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa esterna tas-Santissima Trinità, iżda woll se jġiegħel lill-Għaqda tiddisponi minn armar storiku u artistiku minħabba nuqqas ta’ spazju alternattiv fejn dan l-armar jista’ jinżamm u ssirr il-manutenzjoni tiegħu”. Hawn l-Għaqda fakkret li l-armar inħoloq minn volontarjat, minn fondi miġbura mill-membri tal-Għaqda u mill-poplu Marsi u dejjem intuża għall-festa tat-Trinità b’kollaborazzjoni sħiħa mal-parroċa mmexxija mill-isteess Aħwa Minuri Franġiskani Kappuċċini.
Appell biex ir-Reverendu Patri jerġa’ jirrikonsidra
Filwaqt li l-Għaqda Festi Esterni SSma. Trinità Marsa affermat l-impenn tagħha lejn il-festa tas-Santissima Trinità, il-Parroċċa u l-poplu Marsi talbet l-għajnuna tal-poplu tal-Marsa f’dan iż-żmien diffiċli. Dan b’mod partikolari hekk kif qegħdin jiċċelebraw il-50 sena mit-twaqqif tal-Għaqda.
L-Għaqda temmet tagħmel appell lir-Reverendu Patri Ivan Scicluna O.F.M. Cap., Ministru Provinċjal, biex jikkonsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu għall-ġid ta’ din il-festa tas-Santissima Trinità u tal-poplu tal-Marsa li bl-għotjiet tiegħu, kien strumentali fil-bini tal-istess Jhansi Hall.