Tuesday, December 24, 2024

L-Għaqda Ġurnalisti Sports f’laqgħat uffiċjali mal-Assoċjazzjonijiet Sportivi Nazzjonali

Aqra wkoll

L-Għaqda Ġurnalisti Sports (GħĠS) qed tiltaqa’ ma’ diversi assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex bħala għaqda tkompli timpenja ruħha biex ittejjeb u tgħin il-kommunikazzjoni tal-Assoċjazzjonijiet fis-settur tal-midja sportiva. Fil-passat kienu jsiru laqgħat simili, iżda nħass il-bżonn li dawn il-laqgħat jerġgħu jiġu introdotti fuq bażi regolari.

Riċentament l-GħĠS laqgħet fl-uffiċini tagħha li għandha fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq lil dawn l-assoċjazzjonijiet; Malta Handball Association, Malta Tennis Federation, Malta Bowling Association u l-Malta Gymnastics Federation.

Dawn il-laqgħat qed isiru sabiex dawn l-assoċjazzjonjiet u federazzjonjiet sportivi jiddentifikaw il-potenzjal tagħhom, billi jagħmlu użu tajjeb mill-mezzi ta’ komunikazzjoni, sabiex jilħqu udjenza akbar biex jippromwovu l-attivitajiet u l-kompetizzjonijiet tagħhom.

F’dawn il-laqgħat ġew diskussi wkoll diversi punti li jolqtu l-amministrazzjoni, il-membri u l-isfidi li jkollhom għall-postijiet fejn l-atleti jipprattikaw l-isport tagħhom.

Min-naħa tagħha l-GħĠS tkompli timpenja ruħha sabiex issaħħaħ il-kolaborazzjoni u l-iżvilupp ma’ dawn l-assoċjazzjonijiet u l-federazzjonijiet sportivi. Il-Laqgħat qed jitmexxew mill-President u s-Segretarju Ġenerali tal-GħĠS Sandro Micallef u Lorraine Cunningham.

Ekonomija

Sport