L-Għaqda Ġurnalisti Sports isellem il-memorja ta’ Mario Meli, hekk kif tħabbret il-mewt tiegħu fis-sigħat li għaddew, fl-età ta’ 84 sena. Huwa kien wieħed mill-membri fundaturi tal-Għaqda Kittieba Sports fl-1970 fejn serva bħala Assistent Segretarju u aktar tard bħala Teżorier għal bosta snin.
Imwieled fl-1940, fiż-żmien bħala student fil-Kulleġġ Stella Maris beda jipprattika l-atletika fejn sar champion lokali tat-800 metru u 1500 metru. Fl-1962 ingħaqad bħala korrispondent ma’ Rediffusion u wara ma’ Radju Malta u mill-1975 ma’ Television Malta fejn iritira fl-2015. Bħala ġurnalist u kummentatur attenda bosta avvenimenti internazzjonali barra pajjiżna fosthom tliet edizzjonijiet tal-Logħob tal-Mediterran u żewġ edizzjonijiet tal-Logħob tal-Pajjizi ż-Żgħar tal-Ewropa. Kien editur tal-gazzetta ta’ kull ġimgħa Panorama Sports u tal-annwal Arena Sportiva.
L-impenn tiegħu lejn l-isport imur lil hinn mir-rappurtaġġ, hekk kif kellu diversi rwoli importanti fl-għaqdiet sportivi lokali. Fil-fatt kien il-President tal-Għaqda Logħob għal Kulħadd, Malta Cycling Federation, Malta Billiards & Snooker Association u l-Malta Football Masters Association. Għal bosta snin kien membru tal-Eżekuttiv tal-Kumitat Olimpiku Malti. Għal xi snin kien ukoll referee tal-futbol.
Fl-2007 iddaħħal fil-Hall of Fame tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u fl-2022 kien iddaħħal fil-Hall of Fame tal-Kumitat Olimpiku Malti.
Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports jibgħat il-kondoljanzi lill-familja kollha.