Saturday, April 12, 2025

L-Għaqda Regatta Birgu tniedi Akkademja ta’ Qdif għaż-Żgħażagħ

Aqra wkoll

L-Għaqda Regatta Birgu b’sodisfazzjon tħabbar it-tnedija uffiċjali ta’ Akkademja ta’ Qdif għaż-Żgħażagħ, inizjattiva ffinanzjata permezz tal-VOPS (Voluntary Organisations Project Scheme) immexxi mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) u appoġġjata mill-Ministeru għall-Inklużjoni u s-Settur tal-Volontarjat (MIV).

L-Akkademja għandha l-għan li trawwem talent żagħżugħ billi toffri taħriġ professjonali fil-qdif tradizzjonali Malti. Iddisinjata biex tippromwovi l-inklużjoni, id-dixxiplina u l-involviment komunitarju, l-akkademja hija miftuħa għal kulħadd, irrispettivament mis-sess jew il-background. Il-parteċipanti jirċievu taħriġ strutturat fid-dixxiplini tar-Regatta, bi tħejjija biex jirrappreżentaw lil Għaqda Regatta Birgu f’kompetizzjonijiet nazzjonali bħall-Under-18 Regatta prestiġjuża.

Din l-inizjattiva hija ħafna aktar minn programm sportiv,” qal Christopher Cassar, Segretarju tal-Għaqda Regatta Birgu. “Hija impenn biex nassiguraw il-wirt marittimu tagħna, nrawmu valuri sodi fiż-żgħażagħ tagħna, u nibnu komunità ħajja bbażata fuq ix-xogħol f’tim u l-volontarjat.”

L-Akkademja se toffri:

– Taħriġ komprensiv fil-qdif u l-fitness fiżiku

– Mentoring u żvilupp ta’ tmexxija

– Opportunitajiet indaqs għal subien u bniet

– Edukazzjoni kulturali dwar it-tradizzjonijiet marittimi ta’ Malta

– Opportunitajiet biex jikkompetu fuq livell nazzjonali u jipparteċipaw f’attivitajiet komunitarji

B’finanzjament ta’ €20,000 permezz tal-VOPS, il-proġett se jiffinanzja wkoll xiri ta’ tagħmir għat-taħriġ, gear ta’ sigurtà u għodod edukattivi. Il-kowċis u l-mentors, li ħafna minnhom huma voluntiera b’esperjenza, se jmexxu l-programm, b’appoġġ minn maniġer tal-proġett dedikat biex jiżgura trasparenza u evalwazzjoni kontinwa.

L-attività tat-tnedija tal-Akkademja saret fil-Birgu fit-12 t’April 2025, u laqgħet mistednin distinti, il-komunità lokali, parteċipanti potenzjali, u rappreżentanti mill-MCVS.

Dwar L-Għaqda Regatta Birgu

L-Għaqda Regatta Birgu hija waħda mill-aktar għaqdiet ta’ qdif stabbiliti f’Malta, b’għeruq li jmorru lura ħafna. Il-Birgu ilu jagħti kontribut ewlieni f’kompetizzjonijiet nazzjonali tar-Regatta, li jinkludu did tal-31 ta’ Marzu (Jum il-Ħelsien) u tat-8 ta’ Settembru (Jum il-Vitorja).

Il-klabb kiseb reputazzjoni għal eċċellenza sportiva u reżiljenza, u spiss jiġi kkunsidrat fost l-aqwa timijiet fil-kompetizzjonijiet. F’dawn l-aħħar snin, l-Għaqda Regatta Birgu ċċelebrat suċċessi notevoli, fosthom:

– Rebbieħa tax-Shield tal-Kategorija A fir-Regatta tal-Vitorja tal-2023 u 2024

– Rebbieħa tax-Shield tal-Kategorija A fir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien fl-2025

– Rebbieħa tax-Shield tal-Kategorija B fir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien fl-2023

– Rebbieħa tax-Shield tan-Nisa għal bosta snin konsekuttivi

B’wirt qawwi u momentum dejjem jikber, il-klabb issa qed jestendi l-missjoni tiegħu billi jinvesti fil-ġenerazzjoni li jmiss permezz ta’ din l-akkademja.

Dan il-proġett ġie ffinanzjat permezz tal-Voluntary Organisations Project Scheme (VOPS) amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) u appoġġjat mill-Ministeru għall-Inklużjoni u s-Settur tal-Volontarjat (MIV).

Din il-pubblikazzjoni tirrifletti biss il-veduti tal-awtur, u l-MCVS ma jistax jinżamm responsabbli għall-kontenut jew għall-użu li jista’ jsir minnu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport