Il-gwerra bejn l-Istati Uniti u l-Iran daħlet f’fażi oħra wara li l-Għarabja Sawdija ngħaqdet mal-Istati Uniti fl-attakki kontra milizzja appoġġjata mill-Iran bażata fl-Iraq f’dak li jista’ jwassal għal eskalazzjoni tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani.
Il-Kmand Ċntrali tal-Istati Uniti (Centcom) f’informazzjoni li ta qal li l-attakki kienu mmirati lejn terroristi alleati tal-Iran li l-Korp tal-Gwardja Rivoluzzjonarja Iżlamika (IRGC) ordna biex jattakkaw il-forzi Amerikani u l-infrastruttura tal-enerġija l-Għarabja Sawdija.
L-istqarrija ta Centcom ma semmietx il-milizzja speċifika b’isimha. Madankollu, il-Forzi tal-Mobilizzazzjoni Popolari (PMF) qalu li mill-inqas 10 mill-membri tagħhom inqatlu.
Dan seħħ wara li l-Iran spara diversi missili ballistiċi f’attentat ta’ attakk sorpriża kontra l-forzi Amerikani fil-Lvant Nofsani. Dan l-iskambju ta’ azzjonijiet militari jtemm waqfa qasira fl-ostilitajiet bejn l-Istati Uniti u l-Iran.
Skonmt Centcom, l-attakk seħħ nhar it-Tlieta, u li l-missili kollha ġew “interċettati b’suċċess”. L-Iran stqarr li kien immira lejn bażi Amerikana fil-Ġrdan.
Il-Korp tal-Gwardja Rivoluzzjonarja Iżlamika tal-Iran (IRGC) qal ukoll li laqat tliet tankers taż-żejt fl-Istrett ta’ Hormuz, skont l-Aġenzija tal-Aħbarijiet Tasnim.
Ajruplani tal-ġlied Amerikani u Sawdi wettqu attakki fuq “diversi siti ta’ loġistika u armamenti terroristiċi madwar il-Lvant tal-Iraq, bħala rispons qawwi għal aktar minn 30 attakk bi drones immexxija mill-IRGC fl-aħħar 72 siegħa”.
L-IRGC u l-gruppi prokuri terroristiċi tiegħu jridu jwaqqfu dawn l-attakki biex jevitaw aktar rispons militari mill-Istati Uniti, żiedet twissi l-istqarrija tas-Centcom.
Il-PMF iddeskriviet l-attakki tal-Istati Uniti u l-Arabja Sawdija bħala “eskalazzjoni perikoluża” kif ukoll ksur tas-sovranità tal-Iraq.
Il-PMF hija organizzazzjoni umbrella li tiġbor fiha diversi milizzji favur l-Iran; dawn huma parti min-netwerk ta’ prokuri li Tehran ilha tuża għal snin sħaħ biex tavvanza l-interessi tagħha madwar il-Lvant Nofsani.
Dawn il-milizzji wettqu diversi attakki fuq suldati u interessi tal-Istati Uniti fl-Iraq, bil-għan li jġiegħlu lit-truppi Amerikani li għad fadal jitilqu mill-pajjiż. L-Istati Uniti regolarment wieġbet b’attakki kontra dawn il-milizzji.
Nhar it-Tlieta, l-Arabja Sawdija ħabbret li l-militar tagħha interċetta u qered drones li kienu qed jimmiraw faċilitajiet taż-żejt fir-reġjun tal-Lvant tal-pajjiż.
Il-kelliem għall-Ministeru tad-Difiża, il-Maġġur Ġnerali Turki al-Maliki, sostna li d-drones kienu tnedew minn gruppi ta’ milizji affiljati mal-Iran mit-territorju Iraqin.
Dan it-tiġdid tal-ostilitajiet seħħ jumejn wara li l-President Amerikan Donald Trump tkellem dwar “negozjati ta’ ħbiberija kbira” mal-Iran. Dak iż-żmien, iż-żewġ naħat kien ilhom jumejn sħaħ ma jattakkawx lil xulxin.
Din il-waqfa fil-ġlied ġiet wara 13-il lejl konsekuttiv ta’ bumbardamenti mill-Istati Uniti, li qalet li kienet qerdet mini u pontijiet fin-nofsinhar tal-Iran. Kien irrappurtat li għadd kbir ta’ nies tilfu ħajjithom f’dawn l-attakki.
