Thursday, July 30, 2026
Home Sport UEFA Conference League: ‘Irridu nkomplu nibnu fuq l-ewwel logħba fil-Polonja’ – Thane...

UEFA Conference League: ‘Irridu nkomplu nibnu fuq l-ewwel logħba fil-Polonja’ – Thane Micallef (coach ta’ Valletta)

0
2

Minn Cristian Muscat

Valletta jinsabu lesti għat-tieni leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League hekk kif illum jilagħbu kontra  lil Rakow Czestochowa fi sfida fejn se jkunu qed ifittxu rimonta Ewropea.

It-team mill-belt kapitali jrid jirkupra żvantaġġ ta’ 3-1 mill-ewwel konfront li ntlagħab fil-Polonja, iżda r-riżultat ma jirriflettix għal kollox il-wirja kuraġġuża li pproduċa t-team Malti kontra wieħed mill-aqwa timijiet Pollakki matul dawn l-aħħar snin.

Fil-konfront li ntlagħab f’Miejski Stadium fil-belt ta’ Rakow, nhar il-Ħamis li għadda,  il-Beltin bdew il-logħba b’personalità kbira u ssorprendew lit-team ospitu meta fetħu l-iskor fit-23 minuta. Kien Manuel Morello li poġġa lil Valletta fil-vantaġġ wara azzjoni tajba li bdiet minn Thaylor Aldama, biex il-Lilywhites daħlu jistrieħu fil-vantaġġ ta’ 1-0.

Min-naħa tagħhom, Rakow kellhom aktar pussess tal-ballun, iżda l-Beltin baqgħu peri­kolużi meta sabu l-ispazju biex jattakkaw.

Fit-tieni taqsima iżda, il-kwalitá individwali tat-team Pollakk bdiet tidher aktar. Rakow kisbu l-goal tad-draw, fit-53 minuta, permezz ta’ Mahir Emreli, li approfitta minn sitwazzjoni offensiva biex għamel l-iskor 1-1.

Minkejja dan, Valletta kellhom opportunità kbira biex jerġgħu jiksbu l-vantaġġ. Fit-73 minuta l-Beltin ingħataw penalty wara handsball fil-kaxxa, iżda Petar Sekulovic ma rnexxilux jikkonverti mill-11-il metru hekk kif tefa’ l-ballun barra. Dak kien mument kruċjali, għax ftit wara Rakow ħadu l-kontroll definittiv tal-logħba.

Fit-78 minuta, Patryk Makuch skorja t-tieni goal għat-team Pollakk biex poġġa lil Rakow fil-vantaġġ 2-1, qabel ma Stratos Svarnas issiġilla r-rebħa fil-ħin miżjud biex ta lit-team ospitu vantaġġ ta’ żewġ goals qabel it-tieni leg.

Għal Valletta, l-iskor ta’ 3-1 huwa ċertament żvantaġġ, iżda hemm ħafna aspetti pożittivi li jistgħu jagħtu tama lill-iskwadra mmexxija mill-coach, Thane Micallef. Il-fatt li l-Beltin irnexxielhom jiskorjaw barra minn xtutna u ħolqu diversi problemi lil Rakow, juri li l-konfront għadu miftuħ.

F’dan il-leg, Valletta se jkollhom bżonn jibdew b’intensità għolja u jipprovaw jiksbu goal kmieni biex ipoġġu pressjoni fuq it-team Pollakk. Goal fl-ewwel fażijiet tal-logħba jista’ jbiddel kompletament il-kuntest tal-konfront u jagħti spinta kbira lill-players Beltin.

Min-naħa l-oħra, Rakow waslu f’pajjiżna b’ċertu vantaġġ u jafu li m’għandhomx għal­fejn jieħdu riskji kbar. It-team Pollakk għandu esperjenza akbar f’dawn il-kompetizzjonijiet u se jipprova jikkontrolla r-ritmu tal-logħba biex jipproteġi l-vantaġġ tiegħu.

Madankollu, Valletta diġà wrew li kapaċi jikkompetu kontra avversarji ta’ dan il-livell. Il-konfront tal-lum se jkun test ta’ karattru għall-Beltin u opportunità biex jik­tbu paġna oħra fl-istorja Ewropea tagħhom.

Il-coach Micallef stqarr li l-ewwel leg kienet wirja inkoraġġanti kontra avversarju ta’ livell għoli. Huwa qal:

“Lgħabna kontra team tassew tajjeb li fl-istaġun li għadda kellu wirjiet b’saħħithom. Il-prestazzjoni tagħna fil-Polonja kienet waħda pożittiva ħafna u wrejna li nistgħu nikkompetu f’dan il-livell. B’naqra aktar attenzjoni stajna noħorġu b’riżultat differenti, speċjalment meta nqisu li l-goal li sofrejna fil-ħin miżjud kien tassew diżappuntanti. Irridu nkomplu nibnu fuq l-ewwel logħba fil-Polonja … għandi fiduċja assoluta fil-players tiegħi.”

“Aħna ppreparati. Nistenna li Rakow jerġgħu jippruvaw jattakkaw u jużaw il-kwali­tajiet tagħhom, iżda aħna wkoll għandna l-pjan tagħna. Fl-ewwel partita rnexxielna nissorprenduhom u rridu nerġgħu nagħmlu l-is­tess. Irridu niddefendu b’dixxiplina u nkunu effettivi fil-kontrattakki tagħna.

“Irridu nkunu konxji li l-goals li qlajna setgħu ġew evitati u dawn huma dettalji li f’dan il-livell jiswew ħafna. Iżda jien sodisfatt ħafna bil-mentalità u bl-impenn tal-players.”

Il-partita se tintlagħab fis-Centenary Sta­dium, fis-7.30 pm, u se tkun mxandra diretta fuq TVMSports+.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here