Minn rapporti dwar il-ħsarat ikkawżati fi djar u stabbilimenti privati f’nirien, splużjonijiet u għargħar, ħareġ sew kemm ftit tipprevali fostna l-prattika li nassiguraw djarna u binjiet oħra. Meta tiġri d-diżgrazzja, dan-nuqqas jinħass. M’aħniex waħidna f’dil-qagħda.
Ftakart f’laqgħa ta’ konsulenti finanzjarji u bankiera li attendejt ftit aktar minn sentejn ilu fi Brussell dwar il-fintech. Kelliem jew tnejn emfasiżżaw kemm din kienet tista’ toffri opportunitajiet ġodda ta’ għażla kompetittiva fil-qasam tal-assigurazzjoni tad-djar fejn kellha ssib qasam sħiħ ta żvilupp. Imma beda jidher ċar li mhux kulħadd fl-udjenza kien qed jifhem jew jaqbel. Irriżulta li għal min kien mill-Ġermanja fejn dit-tip ta’ assigurazzjoni tikkostitwixxi prattika kurrenti, il-punt inftiehem.
Mhux l-istess għal min kien mill-Italja, fejn milli jidher, bħal Malta, id-djar ma jiġux assigurati. Ħafna donnhom qablu li fejn mhumiex, jaqbel li jsiru… Mhux kulħadd madankollu – forsi għax ma kienx ċar għal kollox lil min jaqbel l-aktar, jekk hux lill-banek u l-assiguraturi, jew hux lis-sidien tad-djar.
ĠURATI
Waqt li jum wara l-ieħor jibqa’ għaddej il-ġuri “l-kbir” fil-qrati tal-Belt, wieħed ma jistax ma jaħsibx fil-ġurati. Jinsabu maqbudin fl-awla, jisimgħu l-evidenza u t-trattattivi, jgħixu mifruda mill-familji tagħhom, “protetti” minn kull kuntatt ma’ barra. Jidher li baqagħlhom ġimgħat twal jgħixu b’dal-mod.
Ovvja li ma tistax tiġġeneralizza imma wieħed jista jimmaġina li f’kundizzjonijiet hekk, il-ħajja xejn mhi pjaċevoli. Lanqas il-kardinali meta jkunu qed jeleġġu Papa ma jistennew li jdumu għal daqshekk żmien maqtugħin mill-bqija tad-dinja. Forsi wasal iż-żmien li s-sistema ġuridika tadotta operat li ma jiddependix aktar fuq ġuriji biex iwettaq il-ħaqq.
IL-MEDITERRAN U L-KLIMA
Il-pajjiżi kollha tal-Mediterran żgur għandhom interess wieħed komuni – dak li ma jħallux il-bidliet li qed iseħħu fil-klima joħolqu problemi qliel wisq. Ma jridux iħalluhom jaslu sal-punt fejn għalihom ma jkunx hemm soluzzjoni. Irrespettivament minn x’tip ta’ governanza jmexxu, kollha kemm huma qed jaffaċċjaw l-istess tip ta’ sfida: ta’ reġjun fejn in-nixfa u s-sħana se jkomplu jitqawwew. Se joħolqu uragani u diżastri naturali li sal-lum ma kinux komuni fil-Baħar Nofshani.
Il-popli tal-Mediterran għandhom interess vitali jaraw lill-gvernjiet tagħhom jitkellmu mill-qrib dwar xinhu jiżviluppa fil-klima u jikkoperaw dejjem aktar biex jaqsmu informazzjoni, riċerka u mezzi li bihom jistgħu jilqgħu għal kundizzjonijiet estremi li jkunu qed jinħmew. Dawn il-ħidmiet inbdew iżda kemm huma avvanzati? kemm sa issa, inħolqu mekkaniżmi komuni biex il-pajjiżi ġirien ikunu jistgħu jaħdmu fimkien ħalli jilqgħu għall-emerġenzi? x’informazzjoni qed jingħataw iċ-ċittadini dwar dak li qed jitwettaq? Baqa’ ħafna xi jsir.
