Friday, November 13, 2026
Home Sport L-Għawdxi Stephen Grima jagħlaq l-isfida tal-Epic Series fl-FNB Wines2Whales

L-Għawdxi Stephen Grima jagħlaq l-isfida tal-Epic Series fl-FNB Wines2Whales

0
38

Illum, il-Ġimgħa 13 ta’ Novembru, Stephen Grima, iċ-ċiklist Għawdxi ta’ Team Gaudos li jispeċjalizza fit-tlielaq endurance tal-mountain bike, se jieħu sehem fl-FNB Wines2Whales fl-Afrika t’Isfel. Din hija l-aħħar tellieqa tal-isfida tiegħu fl-Epic Series.

Fil-bidu tal-2026, Grima iddeċieda li jagħmel xi ħaġa li ftit ċiklisti jippruvaw jagħmlu. Ried jikkompeti f’kull tellieqa tal-Epic Series, sensiela li tiġbor uħud mill-aktar tlielaq impenjattivi fid-dinja tal-mountain bikes fuq diversi stadji, fl-Ewropa u lil hinn minnha. Dan fisser staġun sħiħ ta’ tlielaq mifruxa fuq diversi jiem, b’sigħat twal fuq ir-rota, eluf ta’ metri ta’ tlugħ u vjaġġar kontinwu, filwaqt li baqa’ jaħdem full-time.

Għall-aħħar tellieqa, Grima se jingħaqad ma Marthinus Esmeyer, mill-Afrika ta’Isfel, li għandu esperjenza vasta fl-isport estrem. It-tnejn se jikkompetu fil-kategorija Masters tat-tellieqa Shiraz, li tikkonsisti fi tliet stadji fuq tlett ijiem, mit-13 sal-15 ta’ Novembru 2026.

Ir-rotta tax-Shiraz tkopri madwar 188 km u tinkludi 3,800m ta’ tlajja fuq tlett ijiem.

  • L-ewwel stadju – Minn Lourensford Wine Estate sa Oak Valley Estate (61 km, 1,400 m Mill-ewwel telgħa wieħed jista’ jara l-bajja ta’ False Bay. Ir-rotta mbagħad tgħaddi minn mogħdija dejqa f’Vergelegen. Qabel jaslu Elgin, iċ-ċiklisti jridu bilfors jinżlu minn fuq ir-rota u jaqsmu l-passaġġ storiku ta’ Gantouw bil-mixi bir-rota magħhom.
  • It-tieni stadju – Dawra li tibda u tispiċċa f’Oak Valley Estate (64 km, 1,300 m). Ir-rotta tgħaddi minn ġonna tas-siġar tal-frott, u firxa ta’ mogħdijiet ta’ Oak Valley. Tinkludi tlugħ iebes fir-Rietvlei Stairs u lejn Tierkop, minn fejn wieħed jista’ jara l-wied ta’ Elgin.
  • It-tielet stadju – Minn Oak Valley Estate sa Benguela Cove (63 km, 1,100 m). L-aħħar stadju huwa wieħed veloċi. Jgħaddi minn Houw Hoek u jinżel b’ritmu mgħaġġel minn Katpas għal Botrivier. L-aħħar kilometri jgħaddu mal-kosta sal-linja finali f’Benguela Cove.

L-edizzjoni ta’ din is-sena timmarka pass importanti għat-tellieqa. L-Epic Series ħabbret li mill-2026 l-FNB Wines2Whales se tkun ikklassifikata bħala tellieqa fuq diversi stadji tal-kategorija S1 tal-UCI u se tidħol fil-kalendarju tal-Union Cycliste Internationale (UCI). B’hekk, il-Wines2Whales issir waħda mit-tlielaq internazzjonali tal-mountain bikes fuq diversi stadji bl-ogħla klassifikazzjoni.

Ix-Shiraz, l-akbar mit-tliet tlielaq tal-festival Wines2Whales, tagħlaq il-programm fi tmiem il-ġimgħa. Il-kompetizzjoni hija b’saħħitha fil-kategoriji tal-irġiel u f’dawk mixed, maqsuma skont l-età. Il-flokk Exxaro huwa l-aktar premju mixtieq ta’ tmiem il-ġimgħa.

Team Gaudos huwa appoġġjat minn Extra Karte, Visit Malta, SG Woodworks Ltd, Raico, National Gypsum Limited Malta, Wurth Malta, Pitre Hardware, Lourdes Opticians, JV Pharma, A. Caruana Enterprises Ltd u Xlendi Supermarket.

Il-programm tat-tellieqa u d-dettalji tar-rotta jinsabu fil-links li ġejjin.
https://www.epic-series.com/races/wines2whales/schedule
https://www.epic-series.com/races/wines2whales/route

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here