Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-għawm sinkronizzat ?
Minn dejjem kont affaxxinata bl-għawm sinkronizzat u kont inħobb narah fuq it-televixin. Ftit snin ilu, waqt il-COVID-19 inzerta kien hemm għawm sinkronizzat tal-Olimpjadi fuq it-televixin u binti, li dak iż-żmien kellha ħames snin, kienet ġiet fuqi u qalet, ‘Ara, Mommy, qed jiżfnu fl-ilma – kemm huma sbieħ!’ Bdejt nirriċerka jekk jeżistux klabbs tal-Artistic Swimming f’Malta, u hekk sibt lis-Synchro Knights. Minn dak il-mument żgħir quddiem it-televixin, issa sar parti kbira mill-ħajja tagħna! Ħafna nies għadhom sal-llum ma jafux li dan l-isport jeżisti Malta u għalhekk xtaqt inqajjem iktar kuxjenza u ngħaqadt mal-kumitat tas-Synchro Knights biex ngħin kif nista b’mod volontarju. Bħalissa, pereżempju qegħdin inniedu kampanja sabiex inħajru iktar atleti biex jippruvaw dan l-isport meraviljuż. Fil-15 ta’ Marzu ħa norganizzaw ‘Open Day’ fejn bniet u subien ‘il fuq minn ħames snin, jistgħu jiġu jqattgħu ftit sigħat mal-kowċis tagħna, u jippruvaw l-isport, ħalli jekk imbagħad jogħġobhom, ikunu jistgħu jibdew jittrenjaw regolarment.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Segretarja Ġenerali ta’ Synchro Knights.
Bħala Segretarja Ġenerali tas-Synchro Knights, nilbes ħafna kpiepel, u l-ebda ġurnata ma hija l-istess – rwol li nħobb ħafna! Nieħu ħsieb il-kordinazzjoni ta’ kuljum tat-taħriġ tal-klabb, norganizzaw ħafna avvenimenti differenti fejn ukoll jipparteċipaw il-ġenituri, bħal pereżempju, ġranet ta’ team building, laqgħat mal-ġenituri, serati ta’ premjazzjoni, u nagħmlu anke Clean-Ups u attivitajiet ambjentali oħra. Nieħu ħsieb ukoll il-media soċjali, inħejji posters u reels biex naqsmu l-istorja tagħna ma’ dawk kollha li jsegwuna. Dan l-aħħar, kelli sehem fir-rebranding tal-klabb – ħdimna ma’ disinjatur biex noħolqu logo ġdid u modern, u biddilna l-malji tal-għawm u l-kits bil-logo il-ġdid tal-klabb. Barra minn hekk, dejjem infittxu opportunitajiet u korsijiet għall-kowċis biex itejbu l-ħiliet tagħhom.
Bħalissa, qed niffokaw fuq proġett ġdid, li qed nillonċjaw dis-sena għall-ewwel darba – Artistic Swimming Summer Camp – li se jsir matul it-tliet xhur tas-sajf, meta ma jkunx hemm skola, li joffri opportunitajiet ġodda għal dawk kollha li jixtiequ jitgħallmu iktar dwar l-isport. Dan is-Summer Camp se jkun qed isir tliet darbiet fil-ġimgħa ġol-indoor pool ta’ Ta’ Qali.
Dan l-aħħar ħadtu sehem f’kompetizzjoni prestiġjuża barra minn Malta. Agħtina aktar dettalji.
Iva, il-kompetizzjonijiet internazzjonali huma parti eċitanti ta’ Synchro Knights! Kull sena, nieħdu t-timijiet tagħna barra minn Malta biex jesperjenzaw kompetizzjoni barra minn Malta, esperjenzi li bla dubju joffru żvilupp professjonali u personali wkoll, u jġibu lura memorji indimentikabbli. Is-sena li għaddiet, morna Munich u Budapest għal żewġ avvenimenti, fejn l-atleti tagħna għamluna kburin bil-wirjiet tagħhom. Din is-sena, fl-2025, it-tim U12 tagħna mar il-Polonja għall-Gnomes Artistic Swimming Competition. Wieħed mill-mumenti sbieħ kien meta ksibna r-raba’ post minn 21 fis-Solo Free Routine, riżultat meraviljuż li juri t-talent u d-determinazzjoni tal-atleti tagħna. Ikkompetew ukoll fil-kategorija tal-Figures, fejn ksibna post tajjeb ħafna tas-seba’ post minn 91 parteċipant. Dawn il-vjaġġi mhumiex biss dwar il-midalji – huma dwar tkabbir, team-work, u rappreżentazzjoni ta’ Malta fuq livell internazzjonali.
Apparti kompetizzjonijiet, il-klabb kull sena jorganizza training camp barra minn Malta fejn it-timjiet kollha jkollhom cans jittrenjaw b’mod ħolistiku u kontinwu għal numru ta’ jiem, f’ambjent attrezzat b’mod professjonali apposta ghall-isport. Dawn it-training camps iservu wkoll kemm biex tevolvi id-dinamika bejn l-atleti, jissaħħu r-relazjonijiet mal-kowċis u jgħixu esperjenza unika.
Kif tara l-livell tal-isport f’Malta illum?
L-Għawm sinkronizzat f’Malta qed jikber b’mod straordinarju, u huwa eċitanti li narawh iseħħ! Id-domanda żdiedet ħafna – tliet snin ilu, kellna grupp żgħir ta’ atleti, imma issa laħaqna ‘il fuq minn 80 atleta, minn dawk li għadhom jibdew sa kompetituri b’esperjenza. Din iż-żieda turi kemm hemm qed jikber l-interess u entużjażmu għal dan l-isport madwar il-gżira. Il-livell tagħna qed jiżdied, grazzi għall-kowċis tagħna li huma passjonati dwar it-tkabbir—qatt ma jitilfu ċans li jattendu korsijiet, workshops, jew taħriġ biex itejbu l-għarfien tagħhom u jgħadduh lill-atleti tagħna. Qed jikber wkoll in-numru ta’ atleti tas-Synchro Knights li jattendu L-iSkola Nazzjonali tal-iSport (NSS). Huwa importanti ħafna li studenti tas-sekondarja jiġu faċilitati sabiex jibbilanċjaw l-obbligi taghhom kemm fl-iskola u anke fl-isport. Waħda mill-atleti ‘Junior’ tagħna riċentement rebħet l-ewwel borża ta’ studju tal- għawm sinkronizzat f’Malta – issa qed tittrenja fi Spanja ma’ waħda mill-aqwa kowċis fid-dinja, u qed timbotta l-ħiliet tagħha għal livelli ġodda! Dan kollu juri li l-istandards tagħna qed jogħlew malajr. Synchro Knights huwa fil-qalba ta’ dan il-progress, u aħna ħerqanin li nkomplu dan il-moviment li qed jikber!
Kif tevalwa r-riżorsi għat-taħriġ u l-kompetizzjoni?
Qegħdin nibnu pedament qawwi għall-għawm sinkronizzat fis-Synchro Knights, u r-riżorsi tagħna qed jikbru kuljum biex nappoġġjaw l-ħolm tal-atleti tagħna. Bħalissa, qed naħdmu biex il-kowċis kollha tagħna jkunu kwalifikati bis-sħiħ – proċess li qed nieħdu bis-serjetà, u qrib li nlestuh! Peressli dan l-isport għadu relattivament ġdid f’Malta, għad m’għandniex ħafna kowċis esperti b’għexieren ta’ snin ta’ esperjenza bħal xi pajjiżi oħra. Imma għandna tijm ta’ coaches bravi u dedikati. Uħud mill-kowċis għadhom jipprattikaw l-isport u b’hekk tinholoq iktar konnessjoni awtentika bejn il-kowċis u l-atleti. Il-Head Coach tagħna, Jeremy Farrugia, huwa l-iktar coach ta’ l-Artistic Swimming ikkwalifikat f’Malta u ricentement akkwista Master’s Degree fix-Xjenza tal-isport mill-Universita’ ta’ Liverpool John Moores. Il-Kowċ tat-tim tal-Juniors, Laura Marquez Urrego, hija atleta b’esperjenza kbira – hi kienet tikkompeti mat-tim nazzjonali tal-Kolombja, rebħet varji midalji u titli importanti, u kellha diversi esperjenzi fi Franza u ċ-Ċina.
Kif tara l-futur tal-amministrazzjoni tal-isport?
Fis-Synchro Knights, qed niffurmaw il-futur ta ghawm sinkronizzat f’Malta jum wara jum, u hija missjoni eċċitanti li aħna impenjati għaliha kompletament! Ovvjament, biex sport jibker iridu jikbru in-numru ta’ atleti, u għaldaqstant, importanti li dejjem nibqaw nattiraw għawwiema ġodda għal dan l-isport. Nibdew bit-tfal żgħar ta’ ħames snin, biex inħarrġuhom minn età zghira u nibnu bażi soda għas-snin li ġejjin. L-Open Day, hija nfatti okkazjoni fejn bniet u subien – li huma kurjużi dwar l-isport, jistgħu jigu b’xejn u jitgħallmu l-bazi ta l-isport, u jiehdu ideja ta’ x’jikkonsisti. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-atleti tagħna huma femminili – tradizzjonalment hekk kien – għandna wkoll atleta maskili, li qed jiftaħ il-bibien għal aktar atleti maskili. Ahna nibqghu nahdmu sabiex l-isport jikber u jikbru wkoll l-opportunitajiet tal-atleti sabiex ikunu jistgħu jiksbu l-potenzjal kollu tagħhom u jirrapreżentaw lill-Klabb u eventwalment anke lil Malta madwar id-dinja b’mod eċċellenti.
Għaddi messaġġ finali għal dawk li qed jikkunsidraw li jibdew jipprattikaw l-għawm sinkronizzat.
L-għawm sinkronizzat huwa sport tassew uniku – affaxxinanti biex tarah, imma ħafna nies ma jirrealizzawx kemm huwa tekniku. L-atleti għandhom bżonn reżistenza, sapport u saħħa kbira. Ħafna minnhom iżommu nifishom sa tliet minuti taħt l-ilma. Hemm l-element essenzjali ta’ team work, sinkronizzazzjoni, akrobatika u impressjoni artistika. Jinkludi taħlita ta’ ginnastika, ballet / żfin u tekniċi tal-għawm, kollha magħquda fl-ilma. Huwa sport tassew affaxxinanti u eċitanti.
Għalija personalment, maż-żewġt ibniet tiegħi—illum 7 u 10 snin—li huma atleti tal-klabb, l-isport sar parti kbira mill-ħajja tagħna. Immorru l-pixxina ħamest ijiem fil-ġimgħa, u sibna familja oħra. Il-konnessjonijiet li għamilna—mal-ġenituri l-oħra, mal-kowċis, mal-membri tal-kummitat—huma speċjali ħafna, u li naraw l-atleti jikbru, jieħdu pjaċir, u jiċċelebraw is-suċċessi tagħhom hija l-aqwa sensazzjoni li jista’ jkollok.