Ilbieraħ il-ġurati semgħu xhieda kruċjali mit-tabib forensiku Mario Scerri u minn diversi uffiċjali tal-forensika, tal-Protezzjoni Ċivili u tal-Forzi Armati hekk kif nhar is-Sibt, il-ġuri jidħol fl-għaxar jum tiegħu.
L-għaxar jum tal-ġuri ta’ Yorgen Fenech dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia mistenni jkompli llum s-Sibt f’Awla 22.
Is-seduta tal-bieraħ kienet iddominata minn xhieda ta’ natura forensika, bl-aktar waħda li spikkat tkun dik tat-tabib tal-mediċina forensika Mario Scerri, li spjega fid-dettall il-konklużjonijiet tal-awtopsja u kif il-pożizzjoni tal-apparat splussiv kienet konsistenti mal-ġrieħi li kkawżaw il-mewt tal-ġurnalista.
Matul il-ġurnata, il-qorti semgħet ukoll diversi uffiċjali tal-forensika jispjegaw l-analiżi li saret fuq il-vettura ta’ Daphne Caruana Galizia, kif ukoll it-tfittxijiet li saru f’diversi postijiet bħala parti mill-investigazzjoni.
Il-ġurati semgħu wkoll xhieda dwar il-ġbir ta’ evidenza minn garaxx f’Ħaż-Żebbuġ, appartament f’San Pawl il-Baħar u sit fil-Mosta, fejn ġew elevati diversi oġġetti fosthom mowbajls, apparat elettroniku, armi tan-nar u munizzjon.
Aktar tard xehed eks Surġent tas-CID dwar l-analiżi ta’ filmati tas-CCTV, filwaqt li membri tal-Protezzjoni Ċivili u tal-Forzi Armati ddeskrivew l-ewwel interventi fuq il-post tal-isplużjoni u t-tfittxijiet taħt il-baħar fil-Marsa li wasslu għall-irkupru ta’ sitt mowbajls.
Is-seduta ta’ nhar is-Sibt mistennija tkompli b’aktar xhieda hekk kif il-prosekuzzjoni tkompli tippreżenta l-evidenza tagħha quddiem il-ġurija.









