L-Ispettur Elliot Magro se jinħatar Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali. Il-Kummissarju għandu l-għan li jippromwovi u jħares il-benesseri tal-annimali, kif ukoll jissalvagwardja d-drittijiet u l-protezzjoni tal-annimali f’Malta u Għawdex. Il-ħatra tiegħu tidħol fis-seħħ mill-20 ta’ Lulju 2026.
L-Ispettur Magro ilu jservi fil-Korp tal-Pulizija għal aktar minn wieħed u għoxrin sena, fejn tul dawn l-aħħar ħdax-il sena serva bħala Spettur tal-Pulizija. Tul il-karriera tiegħu mexxa investigazzjonijiet, ipprosekwixxa mijiet ta’ kawżi quddiem il-Qrati u okkupa diversi karigi ta’ tmexxija. Għal dawn l-aħħar snin kien responsabbli mit-Taqsima tal-Protezzjoni tal-Ambjent (Environment Protection Unit), fejn mexxa l-infurzar relatat ma’ reati ambjentali u każijiet ta’ moħqrija u trattament ħażin tal-annimali. Huwa għandu grad bl-Unuri fil-Kriminoloġija, Diploma fil-Policing, diversi ċertifikazzjonijiet internazzjonali relatati mal-infurzar ta’ reati ambjentali u bħalissa qed isegwi Master’s fil-Kriminoloġija fl-Università ta’ Malta.
L-impenn tiegħu favur il-ħarsien tal-annimali kien rikonoxxut ukoll fl-2022 waqt l-Animal Honours Awards organizzati fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Annimali, meta ngħata l-Premju Speċjali tal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali bħala rikonoxximent għad-dedikazzjoni tiegħu fl-infurzar tal-liġijiet relatati mal-moħqrija u t-trattament ħażin tal-annimali.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said tirringrazzja lil Dr Fleur Abela għas-servizz u l-ħidma tagħha bħala Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali u għall-impenn tagħha favur il-benesseri tal-annimali matul il-mandat tagħha. Fl-istess waqt, is-Segretarju Parlamentari tawgura lill-Ispettur Elliot Magro kull suċċess f’dan ir-rwol ġdid u jħares ’il quddiem biex ikompli jsaħħaħ il-ħidma favur il-ħarsien u l-benesseri tal-annimali.









