Kienet ġurnata oħra ta’ suċċess għat-timijiet taż-żgħażagħ tal-handball ta’ Malta f’Pariġi.
Dan hekk kif it-Tim tan-Nisa ta’ taħt is-17-il sena assigura t-tieni rebħa tiegħu fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni, fejn ipproduċa prestazzjoni impressjonanti biex għeleb lit-tim Belġjan Dendermonde HC bl-iskor ta’ 23-11. Il-bniet issa javvanzaw għar-rawnd li jmiss, fejn se jiffaċċjaw lill-klabb Żvediż rinomat Helsingborg.
It-Tim tal-Irġiel ta’ taħt id-19-il sena lagħab bil-kuraġġ sal-aħħar nett iżda ġie megħlub b’mod strett bl-iskor ta’ 19-17 minn Avenir du Ponant HC f’logħba kkontestata ħafna.
Fi stqarrija, il-Malta Handball Association (MHA) faħħret bis-sħiħ lill-plejers u l-kowċis tagħna kollha għall-impenn, id-determinazzjoni u l-ispirtu kumbattiv tagħhom matul ġurnata impenjattiva ta’ handball. Kburin bl-isforzi tagħkom u nawguraw liż-żewġ timijiet l-isbaħ xewqat fil-logħbiet li ġejjin tagħhom.
Forza Malta!









