Il-ħtieġa li tingħata prijorità akbar lill-iżvilupp taż-żgħażagħ, l-inklużjoni u li t-tfal jieħdu gost jilagħbu l-futbol fi ħdan in-nurseries lokali, kienet it-tema ċentrali tal-Assemblea Ġenerali 2026 tal-Youth Football Association, li saret nhar l-Erbgħa 8 ta’ Lulju fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Futbol (National Football Centre) f’Ta’ Qali.
Fl-indirizz tiegħu lill-Assemblea Ġenerali, li għaliha attendew numru sabiħ ta’ delegati u rappreżentanti tan-nurseries, il-President tal-Youth Football Association, Norman Darmanin Demajo, għamel diskors imqanqal u dirett, fejn enfasizza mhux biss l-opportunitajiet u l-proġetti li għaddejjin, iżda wkoll l-isfidi li qed tiffaċċja l-Assoċjazzjoni.
“L-Assemblea Ġenerali għandha żewġ għanijiet – li tapprova l-ħidma tal-passat, iżda wkoll li tħares lejn il-futur,” qal Darmanin Demajo. “Il-passat diġà ddiskutejnieh u rrid nesprimi l-apprezzament tiegħi għan-numru sostanzjali ta’ attivitajiet li jirnexxielna norganizzaw matul l-istaġun b’tim daqshekk żgħir. Grazzi lil kulħadd.
“Iżda rridu wkoll naħsbu serjament dwar il-futur. Iż-żminijiet qed jinbidlu u rridu nadattaw għal dawn il-bidliet. Inħoss li, fil-livell ta’ klabbs, l-enfasi fuq il-kunċett tal-iżvilupp taż-żgħażagħ, il-youth football development, trid tiġi indirizzata. Fejn qed jiżviluppaw iż-żgħażagħ tagħna? Fejn qed jilagħbu meta joħorġu mis-sistema tan-nurseries?
“Spiss nisimgħu li n-nurseries qed ikollhom suċċess, iżda kif qed jiġi definit dan is-suċċess? X’tikkunsidraw bħala suċċess? Fl-evalwazzjonijiet li tagħmlu, inħeġġiġkom tistaqsu dawn il-mistoqsijiet importanti.
“Is-suċċess m’għandux jitkejjel biss bin-numru ta’ trofej mirbuħa.”
DISKUSSJONIJIET POŻITTIVI MAL-MALTA FA
Darmanin Demajo saħaq li l-Youth FA se tkompli twettaq il-missjoni tagħha u rrefera għal laqgħa pożittiva mal-Viċi President Anzjan tal-Malta Football Association, Dr Matthew Paris, dwar il-preżent u l-futur tal-Youth FA fil-kuntest tal-futbol lokali.
“Mill-istaġun li ġej, iċ-Centenary Stadium se jerġa’ jkun disponibbli għall-Youth FA biex tospita festivals filwaqt li l-għajnuna finanzjarja li tingħata kull sena ġiet ukoll ikkonfermata,” qal Darmanin Demajo.
“Qed naħdmu wkoll biex nerġgħu nagħtu l-ħajja lil diversi proġetti relatati mal-inklużjoni u l-aċċessibbiltà, fosthom diskussjonijiet ma’ De La Salle College sabiex jerġgħu jiġu introdotti sessjonijiet ta’ taħriġ tal-futbol bla ħlas għat-tfal miż-żona tal-Kottonera li mhumiex irreġistrati ma’ nursery. Hemm ukoll pjanijiet biex nikkonsolidaw l-inizjattiva Gozo Girls Football – Live It With Love wara s-suċċess tal-ewwel żewġ edizzjonijiet.”
Il-President tal-Youth FA semma wkoll il-bżonn li jiġi introdott qafas regolatorju li jirregolarizza l-operat tal-iskejjel u l-akkademji privati tal-futbol bl-istess mod bħan-nurseries. Barra minn hekk, enfasizza l-ħtieġa li jiġu ċċarati ċerti sitwazzjonijiet relatati mal-konformità tal-klabbs mar-regolamenti u linji gwida dwar l-organizzazzjonijiet volontarji u mal-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti (AIMS), fid-dawl tal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-kummerċjalizzazzjoni li tippermetti lill-klabbs tal-futbol joperaw bħala kumpaniji sportivi.
RAPPORT AMMINISTRATTIV
Is-Segretarju Ġenerali tal-Youth FA, Stephanie Rocco, ippreżentat ir-Rapport Amministrattiv għall-istaġun 2025-26, li ta ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet u l-inizjattivi ewlenin tal-Assoċjazzjoni. Dawn kienu jinkludu l-organizzazzjoni regolari tal-Enjoying The Game Festivals għat-timijiet tal-Under-10, Under-8 u Under-7, kif ukoll festival ta’ inklużjoni bil-parteċipazzjoni tat-tim tal-iSpecial Olympics.
Ir-rapport elenka wkoll inizjattivi edukattivi u ta’ responsabbiltà soċjali, fosthom il-konsolidazzjoni tal-programm Football Live It With Love Legacy, il-kollaborazzjoni mat-tim Prevent-CRC biex jiżdid l-għarfien dwar riċerka fost il-komunità dwar il-prevenzjoni tal-kanċer kolorettali, kif ukoll l-inizjattiva Goal4Literacy.
“Matul dan il-perjodu rajna l-komunità tagħna tkompli tikber, mhux biss fin-numri iżda wkoll fil-kwalità tal-esperjenzi li noffru,” qalet is-Segretarju Ġenerali tal-Youth FA. “Minn festivals mimlijin entużjażmu għal programmi li jippromwovu l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni għal kulħadd, il-Youth FA baqgħet impenjata biex tiżgura li kull tifel u tifla jingħataw l-opportunità li jagħmlu parti minn tim, jitgħallmu u jgawdu l-logħba.
“Dan ir-rapport jirrappreżenta storja – storja ta’ reżiljenza, dedikazzjoni, kollaborazzjoni u impenn kollettiv. Huwa riflessjoni tal-ħidma eċċellenti tal-klabbs tagħna, il-kowċis, il-voluntiera, il-ġenituri u l-amministraturi, li kuljum jaħdmu bla heda biex jagħmlu differenza reali fil-ħajja taż-żgħażagħ tagħna.
“Hekk kif inħarsu ’l quddiem, nibqgħu ispirati mill-enerġija u l-potenzjal bla limitu tat-tfal tagħna. Il-Youth FA tibqa’ determinata li tkompli toħloq ambjent fejn kull pass fuq il-grawnd ikun ukoll pass ’il quddiem fil-ħajja – gwidati minn valuri b’saħħithom, rispett reċiproku u opportunitajiet ġodda









