L-għaxar safra tal-Għaqda Mużikali Sant’Elena A.D.1919 ta’ Birkirkara fi Quartu Sant’Elena, Sardegna għall-Festa ta’ Sant’Elena

Aqra wkoll

Minn Raymond Mifsud

Id-disa’ safriet l-oħra kienu dawn : 1926 – Tunez, 1928 Tunez, 1932 Tunez, 1988 Palermo fi Sqallija l-Italja, 1994 Tunez, 1995 Valencia fi Spanja, 1996 Cefalu fi Sqallija Italja, 1999 Spezzano Sila f’Cosenza l-Italja, 2007 Cefalu fi Sqallija Italja.

Bejn il-Ħamis 10 sat-Tlieta 15 ta’ Settembru 2026 kontinġent ta’ 180 persuna, bejn bandisti, soċi u partitarji bagristi tlaqna fis-6:00am minn Birkirkara wara l-Kolleġġjata Bażilika Sant’Elena lejn l-ajruport internazzjonali ta’ Malta, b’titjira diretta ta’ siegħa mal-KM Malta Airlines lejn l-ajruport ta’ Elmas ta’ Cagliari, l-belt Kapitali ta’ Sardegna li tinsab in-naħa ta’ isfel tal-pajjiz. Il-grupp kollhu qagħad f’lukanda ta’ 4 stilel jisimha Hotel Califfo. Matul din il-mawra, il-Banda Sant’Elena ta’ Birkirkara tat 4 servizzi li kienu taħt id-direzzjoni tas-surmast Joseph Vella. Il-grupp kollhu kien imqasam f’erba coaches. Fis-7:30pm il-grupp kollhu telaq għal Quartu Sant’Elena. Belt ta’ madwar 70,000 ruħ fejn hemmhekk saret il-Festa ta’ Sant’Elena.

L-ewwel impenn tal-Banda Sant’Elena kien kunċert li beda fid-9:00pm fi Pjazza XXVIII Aprile u dam madwar siegħa u nofs. Dan il-kunċert kien taħt id-direzzjoni tas-surmast Joseph Vella kif ukoll taħt iż-żewġ assistenti surmastrijiet Anthony Carbonaro u Jeremy Sultana. Fl-istess kunċert kantaw ukoll David Sammut u Kristy Spiteri.

    Lejn tmiem il-kunċert saru diskorsi mill-Presidenti tal-Comitato Stabile per I festeggiamenti in onore di Sant’Elena s-sur Stefano Mulliri u l-President tal-Banda Sant’Elena s-sur Anthony Saliba. Ingħataw ukoll rigali kommomorattivi lil xulxin fejn il-Banda Sant’Elena rċiviet rigal tassew interessanti ta’ strument tradizzjonali Sard li jmur lura madwar 2000 sena. Minn naħa tal-Banda Sant’Elena taw rigal lill-Comitato Stabile per I festeggiamenti in onore di Sant’Elena bukkett fjuri tal-ganutell mill-isbaħ bl-istatwa ta’ Sant’Elena ta’ Birkirkara, xogħol tal-membru tal-istess Għaqda Mużikali Sant’Elena s-sur Anthony Muscat. Il-Programm kellhu preżentazjoni tas-sur Frans Pullicino li tkellem tant tajjeb bit-taljan li taħsbu taljan perfett.

    Kienet ix-xewqa tiegħi li nikteb fuq kull silta tal-kunċert iżda minħabba  nuqqas ta’ spazju ma nistgħax.

    Is-suċċess ta’ dan il-kunċert memorabbli u li mhux ser ninsa kien dovut għal ippjanar serju u intelliġenti, preparazzjoni intensa u serjeta, kemm fl-ezekuzzjoni kif ukoll fid-direzzjoni dinamika tal-Mro Joseph Vella.

    It-tieni ġurnata kienet tour bil-gwida tal-post magħna filgħodu f’Cagliari il-belt kapitali ta’ Sardegna. It-tieni mpenn tal-Banda Sant’Elena kien filgħaxija fil-Bażilika ta’ Sant’Elena. Għalkemm il-faċċata tal-Bażilika hija sempliċi u mingħajr lavur, hekk kif tidħol ġewwa issib ġenna ta’ arti, speċjalment l-altar maġġur tal-irħam. Fl-intern tal-Bażilika jiddomina l-istil Barokk, l-aktar il-prospettiva tal-artali tan-navi, fejn il-kolonni tal-artali huma minn irħam ikkulurit.

    Fis-7:00pm bdiet quddiesa bil-malti mill-Kanonku Charles Gauci ex direttur spiritwali tal-Banda Sant’Elena flimkien mal-kappillan tal-post Mons. Alfredo Fadda u xi qassisin oħra. L-Arċipriet tal-post Mons Fadda ta’ merħba lil grupp tagħna. Jakkumpanja l-quddiesa kien hemm abbati malti mill-Parroċċa ta’ Sant’Elena Andres Frendo li għin fil-quddiesa. Numru ta’ bandisti mill-Banda Sant’Elena flimkien mal-kantant David Sammut animaw il-quddiesa taħt id-direzzjoni tal-assistent surmast Anthony Carbonaro. Il-miġema miġbura fil-Bażilika apprezzaw din l-eżekuzzjoni b’appalaws kbir.

    Fi tmiem il-quddiesa ngħataw żewġ bukketi tal-fjuri tal-ganutell lil Arċipriet tal-Bażilika maħduma mill-benefattur u membru tal-Għaqda Mużikali Sant’Elena s-sur Anthony Muscat li ħadem fuq dawn il-buketti. Dawn ingħataw gratis minnhu sabiex jingħataw lill-Bażilika f’isem l- Għaqda Mużikali Sant’Elena.  

    Hekk kif intemmet il-quddiesa l-Arċipriet tal-Bażilika ta’ ktieb fuq l-storja tal-Bażilika ta’ Quartu Sant’Elena lil grupp kollu Malti li kienu prezenti. Sakemm sar il-ħin għal adorazzjoni l-istess abbati Andres Frendo daqq għal xi ħin l-orgni maestuż tal-Bażilika. Jien qgħadt sal-aħħar nisma u nitpaxxa mill-melodiji ta’ dan l-orgni. L-orgni jinsab fil-kappellun tal-kurċifiss u filwaqt li jindaqq minn isfel jinstema mill-pajpijiet li jinsabu fuq ir-riħ tal-gallarija tal-orgni. Skoprejt li l-orgni tal-Bażilika ta’ Marija Bambina tax-Xagħra Għawdex hu l-istess. Dan l-orgni nxtara u nġib fix-Xagħra mill-Arċipriet Mons Ewkarist Sultana madwar 30 sena ilu b’nefqa ta’ LM 20.000. Wara l-quddiesa  kien hemm lejla ta’ divertiment mat-toroq ta’ Quartu bl-isem ta’ ‘Enomusica’, b’ikel bnin bħal numru ta’ kwalita ta’ ġobon u laħmijiet u nbid fin b’tipi u togħmijiet differenti.

    It-tielet impenn tal-Banda Sant’Elena kien marċ brijjuż fit-toroq prinċipali ta’ Quartu. Il-bandisti u l-partitarji għal dan il-marċ, libsu poloshirts tal-Għaqda daqs li kieku morna Birkirkara għal festa. Il-marċ dam madwar sagħtejn u nofs. Ir-rotta ħadet 7 kilometri bla waqfien. Kulħadd jimxi u osservajt li kien hemm numru ta’ partitarji bagristi ixejru l-bnadar ħodor daqs li kieku qegħdin fil-festa f’Birkirkara Malta. Filgħaxija kellna ikla buffet fil-Lukanda stil taljan b’ikel bnin varjat u fuq kollox abbundanti fejn ġie servut l-inbid tal-post.

    Ir-raba’ impenn tal-Banda Sant’Elena ta’ Birkirkara fi Quartu kienet il-purċissjoni  fejn ħadet sehem il-Banda Sant’Elena bid-daqq tal-innijiet proċessjonali tagħha, l-istess marċi sbieħ jindaqqu fil-purċissjoni f’Birkirkara Malta. Filwaqt li f’Malta il-vara mejestuza ta’ Sant’Elena kapulavur fl-injam ta’ Salvatore Psaila 1837 tinġarr fuq l-ispallejn hawn f’Quartu Sant’Elena l-vara titpoġġa fuq karettun bid-dekorazzjoni tal-fjuri u tinġibed minn żiemel mastiċċ li jiflaħ x’ħin tarah. Hekk hi t-tradizzjoni hawnhekk.  Jieħdu sehem fil-purċissjoni numru kbir ta’ tfal, adoloxxenti, żgħażagħ, irġiel u nisa bil-kostumi differenti, bil-kuruna tar-rużarju f’idejhom ħalli jirreċetaw it-talba tar-rużarju mqaddes matul il-purċissjoni. Qabel il-purċissjoni kien hemm ċerimonja fil-Bażilika fejn kull Għaqda tal-belt ta’ Quartu Sant’Elena pprezentaw l-istandardi tagħhom fuq l-artal maġġur tal-Bażilika. Aħna f’isem l-Għaqda Mużikali Sant’Elena ppreżentajna l-istandard uffiċjali ta’ Birkirkara fejn tpoġġa fuq l-artal maġġur tal-Bażilika flimkien mal-istandard uffiċjali tal-Kunsill Lokali tal-Belt ta’ Quartu Sant’Elena. Dan l-istandard ta’ Birkirkara ġie mtellgħa u ppreżentat mis-sur David Borg. Wara bdiet quddiesa ta’ qabel il-purċissjoni li fiha attendew is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara s-sinjorina Desirei Grech, il-kunsillier Kaylocke Buhagiar flimkien mal-membri tal-kumitat tal-Għaqda Mużikali Sant’Elena ta’ Birkirkara. Ma jfissirx li kif tidħol il-purċissjoni tkun spiċċat il-festa.

    L-għada l-14 ta’ Settembru 2026, fil-Bażilika isir il-quddiesa solenni tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes bis-sehem tal-Isqof tal-post u numru ta’ qassisin. Ħadu sehem fil-quddiesa l-kor tal-Arċidjoċesi bl-akkumpanjament tal-orgni. Attendew għaliha membri tal-kumitat tal-Għaqda Mużikali Sant’Elena u l-grupp malti. Kienet esperjenza sabiħa li mhux ser ninsa qatt.

    Is-sitt u l-aħħar ġurnata l-15 ta’ Settembru 2026, wara l-kolazzjon għabbejna l-bagalji u qabel morna l-ajruport l-erba’ coaches waqqafuna f’ċentru kummerċjali jismu Centro Commerciale le Vele e Millennium għax-xiri. Wara morna l-ajruport fejn fit-8:00pm qbadna l-ajruplan lejn Malta u Birkirkara.

    Ma nistax ma insellimx lil dawk kollha li ħadu sehem f’din l-għaxar safra tal-Banda Sant’Elena, speċjalment il-ħabib tiegħi l-kaxxier tal-Banda Sant’Elena s-sur Renald Borg, lill-kumitat, lill-kummissjoni li ħadet ħsieb din l-għaxar safra flimkien mas-sur Frans Pullicino, tal-impenn, id-dedikazzjoni u l-attenzjoni tagħhom u solvew kull problema li setat inqalet f’din il-mawra kbira li għamilna flimkien.

    Għalkemm jien Raymond Mifsud l-awtur ta’ dan l-artiklu, li noqgħod fir-raħal pittoresk tax-Xagħra Għawdex inħoss issa li jien sirt wieħed minn din il-familja kbira bagrista tal-Banda Sant’Elena ta’ Birkirkara Malta.

    LEAVE A REPLY

    Please enter your comment!
    Please enter your name here

    Sport