Wednesday, December 25, 2024

“L-għeruq tas-siġra li ħawwel Mintoff għadhom hemm”

106 SNIN MIT-TWELID TAL-PERIT MINTOFF.

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Illum Jum is-Salvatur, jaħbat ukoll il-106 sena meta twieled il-Perit Duminku Mintoff. It-tifkira ta’ Dom Mintoff għadha f’qalb ħafna u ħafna nies, mhux biss dawk li dejjem kienu jappoġġjaw lill-Partit Laburista iżda oħrajn li forsi ma kinux jaqblu mal-politika mħaddna minnu. Il-ħidma tiegħu tibqa’ mnaqqxa fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna fuq il-livelli politiċi, ekonomiċi u soċjali.

Huwa jibqa’ mfakkar għall-kwalitajiet tiegħu fit-tmexxija tal-pajjiż kif ukoll bħala oratur. Il-valuri soċjalisti u l-qafas soċjali li bena Dom Mintoff f’dawk iż-żminijiet għen biex iż-żgħir iqum fuq saqajh. Il-valur tal-mobilità soċjali kien il-prinċipju ewlieni fil-politika tiegħu. 

Mintoff kien jemmen li l-ġid komuni seta’ jitkattar bis-saħħa ta’ ekonomija b’saħħitha bbażata fuq il-manifattura u l-esportazzjoni tal-istess prodotti mmanifatturati. Fl-istess ħin, Mintoff kien imexxi l-ekonomija tal-pajjiż fuq livell ta’ protezzjoniżmu tal-prodott lokali.

Dwar il-Perit Mintoff, Talk.mt tkellem mal-eks Ministru Laburista Reno Calleja, li stqarr li jiftakru sewwa u anke ħadem fil-qrib miegħu. Huwa beda biex qal li meta miet Mintoff lil wieħed minn sħabu kien qallu: mhux se nibku lilu iżda lil uliedna.

“Il-partit hu ffortunat li wara Mintoff kellu lil Karmenu Mifsud Bonnici, Alfred Sant, Joseph Muscat u issa lil Robert Abela bħala mexxejja. Dawn kollha b’xi mod żammew dak li ħalla Mintoff.

“Huwa minnu li ż-żminijiet jinbidlu u kull Prim Ministru Laburista jrid jimxi skont iż-żmien. Imma l-għeruq tas-siġra li ħawwel Mintoff għadhom hemm. Twaqqa’ l-friegħi, tinżabar, imma s-siġra għadha hemm tħaddar u sebbaħ,” qal Calleja. 

“Fil-fehma tiegħi, il-kobor ta’ Mintoff hu marbut ma’ żewġ affarijiet. Waħda li ħoloq is-servizzi soċjali, pensjonijiet, edukazzjoni u saħħa b’xejn. U l-oħra li għamel minn Malta newtrali u mhux marbuta ma’ ebda super potenza. Fuq kollox li biddel lil Malta minn pajjiż li kien strument ta’ gwerra għal strument ta’ paċi,” kompla jgħid Calleja. 

“Jalla kull mexxej Laburista, li jmexxi lil Malta, iżomm dawn iż-żewġ kmandamenti quddiemu. Fil-fatt dejjem hekk sar u għadu jsir taħt Robert Abela. Jien illum ma għadnix fir-ringiela ta’ quddiem. Nifhem ghalekk li ċerti affarijiet ma nistax narahom car daqs min qieghed fuq quddiem. Imma nara, nosserva, nixtarr u nikkonkludi.”

Callejja temm jirringrazzja lill-mexxeja laburisti li mxew fuq il-passi ta’ Mintoff. Fuq kollox irringrazzja lill-Prim Ministru Robert Abela li minkejja l-mewġ imqalleb li sab quddiemu, wera li mhux kaptan tal-bnazzi iżda tal-maltemp.

Sadanittant, l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista lbieraħ sellmet il-memorja tal-eks PM u Mexxej Laburista Dom Mintoff billi poġġiet bukkett tal-fjuri quddiem il-monument iddedikat għalih f’Bormla. Fost dawk preżenti kien hemm id-Deputati Mexxejja tal-Partit Laburista Chris Fearne u Daniel Micallef u l-Kap Eżekuttiv Randolph Debattista. 

Dom Mintoff twieled nhar is-6 ta’ Awwissu tal-1916 f’Bormla. Huwa sar Mexxej Laburista f’Ottubru tal-1949 u serva bħala Prim Ministru ta’ Malta f’erba’ leġiżlaturi differenti. Fost l-akbar kisbiet li ġraw f’Malta taħt it-tmexxija ta’ Mintoff kien hemm dik tal-kisba tal-Ħelsien, meta fil-31 ta’ Marzu tal-1979, il-bażi navali Ingliża telqet darba għal dejjem minn pajjiżna. 

Il-Perit Duminku Mintoff ħalla din id-dinja fl-20 ta’ Awwissu tal-2012.

Ekonomija

Sport