Tuesday, December 24, 2024

L-ibbumbardjar mir-Russi jkompli jerfa’ rasu … Zelensky mistenni jindirizza lill-G7

Aqra wkoll

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, huwa mistenni li jħeġġeġ sabiex jintbagħtu iżjed armi lejn l-Ukrajna waqt id-diskors tiegħu li se jagħmel lill-pajjiżi membri tal-G7 fil-ħin li ġej. Dan wara li fl-aħħar sigħat kien hemm ibbumbardjar mill-missili Russi fuq Kyiv u żoni oħra fejn tal-inqas huwa stmat li persuna waħda sfat vittma ta’ dan l-attakk.

Fil-Lvant tal-Ukrajna, ir-Russja stabbilixxiet il-kontroll assolut fuq Severodonetsk u issa għandha fil-mira tagħha lil Lysychansk.

Fis-sigħat li għaddew, Zelensky sostna li d-dewmien sabiex jintbagħtu l-armi lejn l-Ukrajna huwa “Opportunità għar-Russja sabiex tkompli tattakka”. Barra minn hekk huwa appella sabiex jintbagħtu sistemi tad-difiża tal-ajru kif ukoll li jiġu imposti iżjed sanzjonijiet kontra r-Russja.

Il-ġurnal Ingliż BBC qed jirrapporta li l-għaqda fi ħdan il-pajjiżi tal-Punent qabdet titlef is-saħħa tagħha f’dawn l-aħħar ġimgħat, bi wħud mill-mexxejja qed jevalwaw ir-relazzjoni tagħhom mar-Russja filwaqt li oħrajn għadhom qed jenfasizzaw dwar l-importanza li jibqgħu jassistu lill-Ukrajna matul il-gwerra.

Wara li jiġi fi tmiemu s-summit tal-G7 li għaddej bħalissa fil-Ġermanja, iktar tard matul dil-ġimgħa huwa ppjanat li ssir laqgħa tan-NATO fi Spanja fejn il-President Ukren huwa mistenni li jkun wieħed mill-kelliema.

Ekonomija

Sport