Tuesday, May 14, 2024

L-ICC se jibda jinvestiga allegat atti kriminali mwettqa mir-Russi fl-Ukrajna

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat ġiet imnedija investigazzjoni li se tanalizza jekk seħ­ħewx  delitti tal-gwerra ġewwa l-Ukrajna mis-suldati Russi, dan hekk kif kien hemm għadd ta’ rapporti jallegaw li s-suldati Russi qatlu nies ċivili waqt il-bumbardamenti.

Il-prosekutur ewlieni tal-Qo­rti Kriminali Internazzjonali (ICC) Karim Khan qal li bħalissa qiegħda tiġi miġbura l-evidenza dwar allegati delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u anke ġenoċidju. Dan qiegħed iseħħ hekk kif 39 nazzjon talbu biex tinfetaħ din l-inkjesta. 

L-investigazzjoni se tkun qiegħda tiffoka fuq il-kapitali Kiev kif ukoll fuq il-bliet ta’ Kharkiv u Kherson li fl-aħħar jiem sofrew ħafna taħt il-bumbardamenti Russi. Min-naħa tiegħu l-President Ukren Volodymyr Zelensky diġà akkuża lil Moska b’delitti tal-gwerra, u huwa għamel dan wara li r-Russja wettqu attakki mill-ajru fuq il-belt ta’ Kharkiv u hemm allegatament tilfu ħajjithom numru ta’ persuni ċivili. 

Iktar kmieni din il-ġimgħa, Khan kien qal li l-investigazzjoni tal-ICC dwar l-avvenimenti li qed iseħħu fl-Ukrajna jridu jibdew “malajr kemm jista’ jkun”. Il-Prosekutur ewlieni ma setax jibda l-investigazzjoni qabel ikollu l-approvazzjoni tal-imħallfin, iżda f’dan il-każ ir-riferimenti li għamlu 39 pajjiż – fosthom ir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja – ippermettew li l-investigazzjoni tibda mingħajr l-approvazzjoni tal-imħallfin. 

L-investigazzjonijiet mh­ux se tkun qiegħda tħares biss lejn dak li qiegħed iseħħ bħalissa, iżda saħansitra se tkun qiegħda tanalizza l-allegazzjonijiet ta’ atti kriminali li possibbilment seħħew fl-2013, fix-xhur qabel ir-Russja ħadet il-kontroll tal-Krimea. Statistika li ħarġu l-uffiċjali Ukreni tgħid li s’issa diġà tilfu ħajjithom 2,000 persuna ċivili, ċifra allarmanti ħafna iktar meta tqis li l-kunflitt beda biss tmint ijiem ilu. 

Sport