Tuesday, May 14, 2024

Xi jfisser is-simbolu “Z” fuq il-vetturi militari Russi?

Aqra wkoll

Hekk kif il-forzi Russi komplew bl-invażjoni ġewwa l-Ukrajna, fuq il-midja komplew jixxandru ritratti u filmati ta’ dak li qiegħed jiżvolġi f’din il-parti tal-Ewropa. Ħaġa kurjuża li ħafna nnotaw huma s-simboli strambi li hemm imħażża fuq it-tankijiet Russi. Fir-ritratti u filmati dehru ħafna tankijiet miżbugħa bl-ittra “Z” fejn din xi drabi tkun ġo kaxxa jew inkella f’tiangolu. Ħafna kienu dawk li staqsew u oħrajn spekulaw x’jista’ jkun is-sinifikat ta’ dan is-simbolu li huwa wieħed stramb ukoll minħabba li l-alfabett Russu ma jużax l-ittra “Z”.

Sorsi militari minn Kiev fl-Ukrajna, f’kummenti li taw lil The Sun, qalu li dan is-simbolu qiegħed jintuża biex jiddistingwi bejn il-vetturi militari Russi minn dawk Ukreni, u dan minħabba li l-vetturi militari li ż-żewġ armati huma simili u b’hekk jiġu evitati inċidenti fejn suldati Russi jattakkaw lil sħabhom bi żball, speċjalment waqt attakki mill-ajru. 

Din hija biss possibbiltà waħda l-għaliex l-armata Russa qiegħda tuża dan is-simbolu. 

Esperti militari li tkellmu mal-midja qalu li dan is-simbolu jista’ jkun wieħed ta’ komunikazzjoni fi ħdan l-armata Russa biex jagħti indikazzjoni ta’ fejn unit militari partikolari jkun se jiġi skjerat. L-esperti qalu dan minħabba li s-simbolu “Z” xi drabi jkun ġewwa kaxxa u drabi oħrajn ġewwa triangolu. Jekk l-iskop kien biss biex jintgħarfu mill-vetturi Ukreni, l-esperti qalu li dawn ma kienx ikollhom għalfejn joqogħdu jżidu d-dettalji tal-kaxxa u t-triangolu.

Sport