Pajjiżna għaddej minn ritmu ekonomiku b’saħħtu ħafna. Sena wara l-oħra qiegħed jibqa’ jirreġistra tkabbir sostanzjali li jiżboq dak ta’ pajjiżi oħra. Dawn ir-riżultati ma waqgħux mis-sema u lanqas ma ġew b’xi kumbinazzjoni, imma twettqu sforz ħidma mis-setturi ekonomiċi kollha, inkluż il-konsumaturi.
Diversi aġenziji tal-kreditu internazzjonali għal sena wara l-oħra rrikonoxxew din il-ħidma tant li mhux biss ma baxxewx il-klassifikazzjoni tal-ekonomija Maltija imma wkoll dejjem esprimew li din se tkompli tikber minn sena għall-oħra.
Taqbel jew ma taqbilx miegħu, dan il-mudell ekonomiku serva tajjeb lill-pajjiż hekk kif kien il-bażi biex jiġu introdotti bosta miżuri soċjali li kienu ta’ għajnuna kbira għall-familji Maltin u Għawdxin u anke għan-negozji, fl-istess waqt li ssaħħet is-sostenibiltà ta’ ċertu oqsma oħra kruċjali bħall-edukazzjoni, is-saħħa u l-ambjent.
Dan it-tkabbir kien ukoll innotat minn diversi ekonomisti lokali fosthom il-Prof. Philip von Brockdorff li rrefera għall-pubblikazzjoni tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) fuq l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna, li skont l-istess IMF ġie kkonfermat dak li kien magħruf, li l-ekonomija Maltija kompliet tikber f’livell ferm ogħla mill-medja taż-żona Ewro.
Dan it-tkabbir xi jfisser? Dan it-tkabbir jixhed ir-reżiljenza tal-ekonomija Malta minkejja l-isfidi internazzjonali. Wieħed mill-fatturi li wasslu għal dan it-tkabbir ekonomiku b’saħħtu kien it-turiżmu li matul is-sena l-oħra reġa’ kiber fl-istess waqt li l-konsum lokali rpilja sew. Iż-żieda fil-konsum huwa wkoll frott tal-istabbilità finanzjarja u ekonomika li għandu pajjiżna.
Dak li qal l-IMF jikkorrobora ma’ dak li qalu aġenziji ta’ kreditu awtorevoli li sostnew ir-reżiljenza tal-ekonomija Maltija. Dan kollu huwa wkoll konferma tal-viżjoni li kellu dan il-Gvern bil-miżuri fiskali u ekonomiċi li ħa b’mod partikolari fis-snin li għaddew. Deċiżjonijiet li nemmnu li kienu f’waqthom anke bis-sussidji fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils.
Quddiem dan kollu, nemmnu li għandha tissokta l-ħidma biex l-ekonomija tagħna mhux biss tibqa’ l-aqwa iżda wkoll toħloq l-aqwa opportunitajiet u pagi għall-ħaddiema. Inħarsu ’l quddiem biex ikompli jinħoloq il-ġid, l-opportunitajiet u l-prosperità għall-poplu Malti u Għawdxi.