Sunday, November 24, 2024

L-IMĦABBA FIŻ-ŻMIEN TAL-MILIED

Josianne Cutajar
Josianne Cutajar
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Fix-xahar ta’ Diċembru l-apprezzament li nuru lil xulxin, ħafna drabi ikun permezz ta’ rigali li nagħtu lill-maħbubin tagħna. Forsi tistaqsuni x’hemm ħażin imbilli nagħtu r-rigali lil xulxin? Nagħmilha ċara li m’hemm xejn ħażin li wieħed jagħmel dan. Li forsi jista’ jkun hemm ħażin, huwa li t-tfal tagħna, ma jifmhux id-differenza bejn imħabba u rigal. 

F’dinja fejn kważi tiġik naturali li tgħid lit-tfal “Jekk toqgħodu bravi, nixtrilkom rigal sabiħ”, hija naturali li t-tfal jaħsbu li l-imġieba tagħhom ma kinitx mixtieqa, jekk ir-rigali li jaqilgħu ikunu jikkuntrastaw bil-kbir meta mqabblin ma’ ta’ tfal oħra. L-impatt fuq it-tfal għaldaqstant jaf ikun mhux biss wieħed materjalistiku, imma wkoll emozzjonali, u naturalment din hija xi ħaġa li trid tiġi indirizzata.


F’dan ir-rigward, ma nistax ma nfaħħarx l-inizjattiva “Agħti Rigal B’Imħabba”, inizjattiva ispirata minn mart u bint il-Prim Ministru. Din l-inizjattiva rat li jiġu ppakkjati mijiet ta’ rigali, b’dawn ir-rigali li mbagħad ġew imqassma lil tfal vulnerabbli. Wara kollox, kulħadd għandu jkollu d-dritt li jħossu maħbub, u jekk ir-rigali huma mod wieħed minn ħafna kif nesprimu l-imħabba, mela allura l-verita’ hi li kulħadd ħaqqu rigal.

Naturalment, ir-rigali tal-Milied m’humiex l-uniku mod kif nesprimu l-imħabba u r-rispett. L-imħabba nistgħu nesprimuha wkoll billi nkunu hemm għal dawk minnha li jkunu għaddejjin minn baħar imqalleb u żminijiet diffiċli jew ikunu qed jesperjenzaw is-solitudni. 

Nistgħu nuruha wkoll billi naraw li kulħadd ikun jista’ jgħix b’dinjita`, anke b’għajnuna mill-istat u l-istituzzjonijiet pubbliċi. Fil-Parlment Ewropew, dan is-suġġett nitkellem ħafna dwaru. Hi realtà li mhux kulħadd jaffordja trasport effiċjenti, jew inkella kontijiet tal-enerġija li fl-Ewropa dejjem tilgħajn, anke biż-żieda fil-prezz taż-żejt. Dan jirrikjedi li l-Gvernijiet Ewropej, flimkien mal-istituzzjonijiet Ewropej, ifasslu miżuri effettivi biex jindirizzaw anke dan it-tip ta’ faqar – il-faqar fit-trasport u l-enerġija. Miżuri bħat-trasport pubbliku b’xejn lil kulħadd mill-Gvern Malti mis-sena d-dieħla, per eżempju, ser iwassal biex persuni li jużaw tal-linja fuq bażi regolari, jiffrankaw sa tliet mitt ewro fis-sena.

Irridu nassiguraw ukoll li l-prezz tal-qalba ambjentali, ma jkunux il-konsumaturi l-aktar vulnerabbli li jħallsuh. Din hija xi ħaġa li trid tiġi indirizzata fuq livell aktar wiesa’ fuq livell Ewropew. Ma jistax ikun li jintefa’ prezz sproporzjonat fuq dawk li ma jifilħux iħallsu għaliex apparti li din ma tkunx ħaġa ġusta, ikun hemm ukoll ir-riskju li ċertu setturi tal-popolazzjoni jduru kontra l-qalba ambjentali. Din hija xi ħaġa li rridu nevitaw; għandna bżonn lil kulħadd biex niġġieldu t-tisħin globali u rridu naċċertaw li ma nħallu lil ħadd jaqa’ lura.


Għalhekk anke meta niġġieldu t-tisħin globali u sfidi oħrajn, ma rridux inħarsu sa mneħirna. Irridu anzi nżommu l-interess u ċ-ċirkostanzi tas-soċjeta’ kollha quddiem għajnejna. Wara kollox, il-Milied hekk jgħallimna wkoll. Bħalma hija xi ħaġa tajba li fil-Milied naraw li kull tifel u tifla, ġejjin minn fejn ġejjin, ikollhom rigal, hekk ukoll hija xi ħaġa tajba u importanti li naraw li kulħadd ikun jista’ jaqdef għal rasu b’dinjita’ matul is-sena.


Fi kliem ieħor, huwa tajjeb li nkunu solidali fi żmien il-Milied. Imma kemm hu aħjar li nkunu solidali f’kull ħin u f’kull mument, u mhux f’dawn iż-żminijiet ta’ festi biss. It-twelid ta’ Ġesu Kristu fih innifsu huwa simboliku għaliex l-iben t’Alla twieled f’ambjent modest. Dan apparti l-fatt li l-ideat ta’ Kristu kienu radikali mmens għal żminijiethom, u għaldaqstant nagħmlu tajjeb li nkomplu nfakkruhom f’kull ħin u f’kull mument. 


Fil-bidu tas-sena, ħafna jkunu dawn li jagħmlu r-riżoluzzjonijiet tagħhom. Forsi tkun idea tajba li riżoluzzjoni minn ta’ din is-sena tkun li nżommu l-vulnerabbli quddiem għajnejna tul is-sena sħiħa u fl-oqsma diversi li nkunu qed naħdmu fuqhom. 

Filwaqt li nittama li kellkom Milied hieni, minn qalbi nawguralkom is-sena t-tajba!

www.josiannecutajar.com

Sport