Il-ħidma biex il-Belt Kapitali tagħna tkun isbaħ u aħjar milli hi se tintensifika ruħha bit-twaqqif ta’ Kumitat għaż-żamma u ġestjoni aħjar f’din il-lokalità. Kumitat li se jġib flimkien stakeholders ewlenin li lkoll għandhom rwol importanti fiż-żamma u l-immaniġġjar tal-Belt Valletta fejn se tkun qiegħda tiżdied il-manutenzjoni, l-ordni, is-sigurtà u l-aċċessibiltà.
Nibdew biex ngħidu li għalkemm it-twaqqif uffiċjali ta’ dan il-Kumitat saret il-ġimgħa li għaddiet, b’danakollu l-ħidma belt Valletta fil-fatt kienet diġà bdiet, bl-ewwel inizjattivi jinkludu l-ħolqien tal-Valletta Stewards u l-Cleansing Team. B’sodisfazzjon ninnutaw li dawn l-istewards se jservu ta’ deterrent għall-vandaliżmu u l-illegalitajiet u jassiguraw li kulħadd iżomm mal-liġijiet u r-regolamenti.
Il-ħinijiet tax-xogħol ta’ dawn l-istewards saru b’mod u manjiera li jrriflettu l-attività ekonomika u l-influss tat-turisti fil-Belt Valletta, inklużi xiftijiet fi tmiem il-ġimgħa. Il-ħidma tagħhom bl-ebda mod mhi se tirfes fuq ix-xogħol tal-Pulizija. Anzi dawn se jkunu qed jikkumplimentaw ħidmet l-uffiċjali.
B’żieda ma’ dan, huwa tajjeb li nsemmu wkoll kif se jissokta l-investiment biex ikompli jissaħħaħ it-tim responsabbli mit-tindif u l-manutenzjoni madwar il-Belt Valletta. Tant hu hekk li dan it-tim żdied fin-numru minn nies diġà ddedikati għall-Belt u se jkun skjerat ukoll fi tmien il-ġimgħa u s-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Ma’ dan hemm ukoll l-investiment f’makkinarju ġdid li se jgħin biex tiżdied l-effiċjenza f’dik li hija indafa fil-lokalità.
Filwaqt li huwa tajjeb li qegħdin jittieħdu inizjattivi bħal dawn, irridu nibqgħu nagħtu attenzjoni għal kwistjonijiet li għadhom qed idejqu lin-nies. Fosthom il-problema tal-ippustjar ta’ imwejjed u s-siġġijiet fit-toroq. Problema illi għadha tippersisti f’ħinijiet differenti matul il-ġurnata fil-lokalità. Anke hawn nemmnu li jrid jinstab il-bilanċ meħtieġ bejn id-drittijiet tan-negozji li jagħmlu qliegħ ġust u d-drittijiet taċ-ċittadini.
Xi kultant ma jkunx faċli li jinstab bilanċ ekwu u meħtieġ bejn l-interessi ta’ naħa u ta’ oħra imma b’danakollu mhux impossibbli. Fejn hemm ir-rieda, jista’ jinstab soluzzjoni li biha jkun kuntent kulħadd.