Thursday, March 28, 2024

L-IMMIGRAZZJONI RREGOLARI

Aqra wkoll

Miktub Minn ALFRED SANT

B’mod ġenerali, sa issa dejjem ġara li meta l-immigrazzjoni rregolari saret kwistjoni importanti għal Malta, ma kienx l-istess għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. U bil-maqlub.

Il-gvern Malti jinsab maqbud bejn il-blata ta’ x’jgħid id-dritt internazzjonali mil-lat umanitarju, u l-ġebla iebsa ta’ x’inhu l-interess nazzjonali meta tidħer bħala ħaġa ċara li l-aqwa sforzi jinsabu mmirati lejn kif se tixxejjen il-corona virus.

Mhijiex soluzzjoni viabbli li l-immigranti jiddaħħlu Malta, anke jekk ikun hemm bosta nies li jitħajru joffrulhom joqogħdu d-dar għandhom. Kif l-anqas hi vijabbli jew aċċettabbli l-proposta li tħalli l-emigranti jegħrqu. Ukoll, tagħmel x’tagħmel quddiem din id-dilemma, x’aktarx se joħorġu aktar dgħajjes mil-Libja. 

Maqbudin fil-prioritajiet tal-ħidma kontra l-imxija, il-pajjiżi Ewropej ftit għandhom aptit jiddedikaw ħin jew sforz għall-problemi li nqalgħu fiċ-ċentru tal-Mediterran. 

Il-Maltin għandhom aspettattivi “għolja” wisq ta’ x’jistgħu jistennew mill-Ewropej. Mhux se jkun hemm arranġament faċli. 

SENS TA’ DIXXIPLINA

Konna nilmentaw kemm aħna poplu indixxiplinat. Xejn mhu xejn! min hu l-aqwa jħawwel! aqbeż nies kemm tista’ u tagħtix kas min hu quddiemek…! Dawk donnhom kienu l-għajtiet l-aktar popolari f’pajjiżna.

Kemm ilna li qed naffaċċjaw l-imxija tal-corona virus intwera sens ta’ dixxiplina liema bħalu … minkejja eċċezzjonijiet li ma kinux fuq l-iskala ta’ pajjiżi Ewropej oħra. X’sorpriża!

Biss wieħed jiftakar ir-rapporti li baqagħlna ta’ kif il-poplu Malti ġab ruħu matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Ukoll id-dixxiplina hemm kienet qawwija u seħħet b’mod popolari mhux għax imposta. Tant li meta l-periklu ddgħajjef u l-poplu stenna trattament ġust, malajr skattaw id-dimostrazzjonijiet fit-toroq malli dan ma seħħx.

Problema: Kif se nimmobilizzaw is-sens ta’ dixxiplina kull meta jitfaċċaw sfidi kbar, li mhux bilfors jinvolvu ħajja u mewt?

ĦIN GĦAL…

Bil-mod kif żviluppa l-użu tal-ħin fil-kondizzjonijiet ta’ iżolament tal-aħħar ġimgħat, kull wieħed u waħda minna sibna okkażjoni nagħmlu affarijiet li fis-snin ta’ qabel kienu qabżulna.

Bħal pereżempju fil-każ tiegħi, li nara żewġ logħbiet tal-finali tat-Tazza Ewropea. Waħda bejn il-Panathinaikos tal-Greċja u Bayern Munich f’Wembley Stadium, li l-Griegi tilfu 2 b’xejn. U l-oħra bejn Juventus u Hamburg milgħuba f’Ateni li l-Ġermaniżi rebħu 1 – 0. 

Toqgħod tipprova tiftakar fejn u kif kont meta ntlagħbu dawn il-logħbiet x’aktarx minsija. Tinnota kif l-istess tensjonijiet li jinħassu waqt il-logħbiet tal-llum, kienu hemm ukoll meta ntlagħbu. Tinduna kemm it-teknika sportiva nbidlet matul is-snin. 

Nimmaġina li sakemm ikun għadda kollox, aktar opportunitajiet se jinqalgħu biex wieħed jagħti ħarsa lejn logħbiet antiki minsija. Hu żvog stramb forsi li toqgħod tarahom: imma  l-partiti baqgħu divertenti.

Ekonomija

Sport