Tuesday, April 30, 2024

“L-immudellar jgħin ħafna biex tgħolli l-kunfidenza u l-istima tiegħek innifsek”

Lucienne Gusman, omm ta’ 41 sena, rebbieħa tal-konkors Mrs Malta 2023

Aqra wkoll

Lucienne Gusman hija r-rebbieħa tal-għaxar edizzjoni tal-konkors Mrs Malta 2023 li sar is-Sibt li għadda f’serata mtella’ minn Ivan Gaffiero. Lucienne hi omm u għandha 41 sena. Sadanittant, Mrs Mellieħa u Mrs Kalkara temmew fit-tieni u t-tielet post rispettivament.

Fis-serata wieħed seta’ jara diversi kostumi sbieħ Maltin kif ukoll lill-mudelli bil-malji b’kuluri tal-bandiera Maltija. 

Sadanittant, dan il-ġurnal ħa l-kummenti ta’ Lucienne fejn dehret ferm kuntent b’dak li kienet għadha kemm kisbet.

Min hi eżattament Lucienne Gusman?

“L-ewwelnett jien ġejja minn familja numeruża b’ħafna aħwa fejn jien l-iżgħar fost il-bniet. Għandi tifla ta’ 21 sena, timmudella wkoll. L-ewwel esperjenza tiegħi f’din l-industrija kienet 12-il sena ilu. Matul il-karriera tiegħi, kelli l-unur li nirrapreżenta lil Malta ġewwa Londra, fejn ġejt inkurunata Mrs Commonwealth International, kif ukoll ikkompetejt ċewwa ċ-Ċina, f’Macua, fil-kompetizzjoni ‘Bride of the World’.”

Lucienne tgħid li l-unur ta’ Mrs Malta huwa tant prestiġjuż, għalhekk tħossha kburija u kuntenta li rnexxielha tirbħu. Fil-fatt, hi rringrazzjat lit-tim kollu tagħha, tim ta’ sapport kbir warajha fosthom il-familja u ħbieb tagħha kif ukoll il-manager Jeff Francalanza, li emmen fiha mill-ewwel ġurnata u għenha tikber mhux biss fil-karriera tiegħi iżda wkoll personalment. Ovvjament hi ma nesietx issemmi il-mentor tagħha Sue Rossi, li mingħajrha żgur li ma kinitx tasal fejn waslet. Wara ħafna snin ma tikkompeti, hi għenitha ġġib il-kunfidenza fuq il-palk u rnexxielha tgħinha tkun l-aħjar verżjoni tagħha nnifisha.

“Nixtieq l-ewwel nett nirringrazzja lill-Gaffiero Productions, b’mod speċjali Ivan Gaffiero ta’ din l-opportunitá. Kienet esperjenza mill-isbaħ u l-konkors kien ta’ livell professjonali. Gaffiero Productions hija tant speċjali għaliex tagħti opportunitajiet lil nisa bħali ta’ etá kbira, jew miżżewġin biex jikkompettu f’dawn il-konkorsi.”

Kif qalet aktar qabel, bintha Shailey Micallef hi wkoll mudella ta’ livell għoli. X’taħseb dwar in-namra li għaddiet lil bintha?“Mhux eżatt, imma viċi-versa. It-tifla ilha tikkompeti minn mindu kellha tliet snin … għalija kienet it-tifla anzi li nkoraġġietni biex nidħol f’din l-industrija tal-immudellar. Nista’ ngħid li anke dan il-konkors ta’ Mrs Malta kienet it-tifla li inkoraġġietni nerġa’ nikkompetti wara 10 snin … għalhekk din ir-rebħa niddedikaha għaliha.

Skont Lucienne, x’inhuma l-isbaħ affarijiet fl-immudellar?

“Qabel dħalt f’din l-industrija, jien kont persuna mistħija u ma nemminx fija nnifsi, iżda llum il-ġurnata, sirt aktar kunfidenti grazzi għall-immudellar. Apparti minn hekk, tiltaqa’ mal-kontestanti l-oħra u tagħmel ħbieb ġodda.”

“L-immudellar jgħin ħafna biex tgħolli l-kunfidenza u l-istima tiegħek innifsek … jien għaddejt minnha personali. L-immudellar jirrikjedi ħafna kuraġġ u kunfidenza biex titla’ fuq il-palk quddiem ħafna nies u l-ġurija, li xogħolhom huwa speċifikament li jiġġudikawk.”

Bħalma nħobbu nsaqsu lil kull mudell jew mudella, kemm huwa importanti li tkun biss sabiħa minn barra, jew anke sabiħa minn ġewwa?

“Illum il-ġurnata, il-kompetizzjonijiet saru jkollhom l-akbar ammont ta’ punti fuq il-‘personality judging’, jiġifieri mhux biżżejjed li tkun sabiħa minn barra biss, peró, ħafna iktar importanti li tkun sabiħa minn ġewwa!”

Lucienne tgħid li hi proprju t-tifla tiegħi, Shailey, l-ispirazzjoni tagħha, il-motivazzjoni u l-kuraġġ tagħha. Qiegħda fejn qiegħda llum, kollu bis-saħħa tagħha. Minn mindu kienet żgħira, dejjem kienet determinata f’dak kollu li tagħmel u dejjem tasal fejn tixtieq, kemm fil-karriera tagħha, kif ukoll fl-istudji tagħha. U għalhekk, Lucienne tagħti l-100% almu tiegħi u aktar għaliha, biex tkun kburija bija bħalma jien kburija biha.

Skont Lucienne, wieħed jitwieled jew isir mudell?

“Jien personalment ma nemminx li twelidt mudella għaliex kont nistħi ħafna żgħira, u l- kunfidenza hija l-qofol tal-immudellar. Peró, mhux kulħadd l-istess. It-tifla tiegħi twieldet mudella, minn ta’ etá żgħira kienet kunfidenti ħafna, infatti l-ewwel ‘pageant’ li daħħaltha kellha biss tliet snin u kienet ħadet titlu overall fis-sezzjoni tat-tfal.”

Staqsejna lil Lucienne Gusman dwar kif taraha bħala mara minn hawn u ħames snin oħra?

“Ħames snin oħra narani ngħin lit-tifla tkompli tikber fil-karriera tagħha, kif ukoll ngħinha tkabbar il-familja tagħha. Dan għaliex jien nemmen ħafna fl-importanza u l-valuri tal-familja. “

“Apparti minn hekk, b’xi mod jew ieħor, nemmen li nkun għadni f’din l-industrija li tant hi għal qalbi u li għamlitni l-mara li jien illum il-ġurnata!”

Finalment xtaqna nagħlqu din l-intervista ma’ Lucienne Gusman billi tagħti messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu l-karriera tagħhom fl-immudellar.

“Jien nixtieq nuża din il-pjattaforma li tiġi ma’ dan l-unur ta’ Mrs Malta biex insemma’ leħni u nwassal il-messaġġ biex ħadd ma jaqta’ qalbu jew iħalli l-mistħija tkun ta’ ostaklu, mhux biss biex jidħlu f’din l-industrija, iżda anke fil-ħajjiet personali tagħhom. B’mod speċjali lin-nisa miżżewġin, biex ma jħallux l-età jew affarijiet oħra jwaqqfuhom milli jagħmlu dak li dejjem xtaqu u jsibu ħin għalihom infushom!”

Sport