Saturday, December 21, 2024

L-IMPATT EKONOMIKU

Aqra wkoll

Kemm ilha għaddejja l-pandemija tal-Covid-19 kienu diversi l-impatti ekonomiċi tagħha. Baqgħu jinfirxu. L-akbar waħda kienet ikkawżata bit-tnaqqis qawwi, f’ċerti setturi kważi għal kollox, tad-domanda. Impriżi sabu li ma kienx hemm aktar bejgħ għall-prodotti u s-servizzi tagħhom. L-aktar li qalgħu taptipa kienu dawk fit-trasport u t-turiżmu.

Problemi oħra nqalgħu bit-taħwid enormi fl-impjiegi, id-danni fl-edukazzjoni li kellhom u se jkollhom konsegwenzi ekonomiċi għat-tul, it-tħarbit fl-investiment u fil-ġarr tal-merkanziji, it-terremot fil-finanzi publiċi hekk kif il-gvernijiet telqu jonfqu bla rażan biex ma jħallux l-ekonomiji jogħtru… Issa, l-aħħar impatt li qed iqajjem attenzjoni hu l-mod kif impriżi ġġammjaw għax il-personnel tagħhom jinsab infettat jew fi kwarantina.

Smajniha hawn fl-aħħar ġimgħat minn industriji, lukandi u ħwienet. Il-problema ilha tinħema, b’eluf ta’ titjiriet fl-Istati Uniti u fl-Ewropa li ma sarux għax wisq mill-personnel kienu morda.

Se jkun diffiċli ħafna li nagħmlu stima aħħarija ta’ kemm ekonomikament se tkun ġiet tiswa l-pandemija. Imma stima hi meħtieġa biex nifhmu kemm… u jekk… l-isforzi ta’ rkupru li qed jittellgħu se jkunu biżżejjed biex ipattu għat-telf li ġarrabna.

***

PATTA PARI PATTA 

Min iħares minn barra lejn x’qed jiġri fil-Parlament Malti dan l-aħħar, għandu mnejn jikkonkludi li d-deputati qed jilgħabu l-logħba tal-patta pari patta. L-ewwel “jinqabad” wieħed ta’ naħa b’xi problema ma’ tat-taxxi; imbagħad ieħor tan-naħa l-oħra; imbagħad viċi versa u terġa’…

Konvint li dan mhux qed isir bi ħsieb minn qabel imma li l-istorja telqet bir-rankatura tas-soltu li l-kontroversji politiċi jiksbu malli jitkebbsu. U m’għandix dubju li mbagħad “spjuni” taż-żewġ naħat fl-amministrazzjoni publika jkunu qed jagħmlu r-“riċerki” meħtieġa ħalli jaqilgħu aktar ħama.

Dal-proċess ma jidhirx li se jieqaf dalwaqt. Qed jagħmel ħsara kbira lir-reputazzjoni tad-deputati kollha.

***

XOGĦOL TAL-GVERN

Niddubita kemm wieħed jista’ jieħu ċ-ċifri tan-nies li jaħdmu mal-gvern sempliċement minn kif jidhru fl-istatistika tal-impjegati publiċi. Minn żmien il-gvern Nazzjonalista ta’ Fenech Adami, numru ta’ xogħlijiet li qabel kienu jsiru minn ħaddiema tal-gvern, bdew jiġu kkuntrattati lill-privat. Dan jimpjega hu n-nies ħafna drabi b’kundizzjonijiet differenti minn ħaddiema tal-gvern li jagħmlu l-istess xogħol bħalhom. 

Il-flus qed joħroġhom il-gvern mit-taxxi tagħna; il-ħaddiema jidhu mpjegati mis-settur privat. L-ebda gvern sal-lum ma waqqaf dil-prattika; bil-maqlub.

Fost il-konsegwenzi: in-nefqa tal-gvern tiżdied bla ma jidher sew l-effett fuq l-impjiegi; ħaddiema ngaġġati mill-privat jaħdmu b’kundizzjonijiet inferjuri għal ta’ mal-gvern; il-kostituzzjoni li tirregola kif il-ħaddiema tal-gvern għandhom jiġu ttrattati tibqa’ għall-ħaddiema ta’ “mal-privat” fuq il-karta.  Kulħadd jinqeda tajjeb… ħlief forsi dawk li jħallsu t-taxxi u l-istess ħaddiema.

Ekonomija

Sport