Wednesday, October 9, 2024

L-IMPATT TAT-TIBDIL TAL-KLIMA FUQ IL-PRODUZZJONI TAL-IKEL

Alicia Bugeja Said
Alicia Bugeja Said
Kandidata Laburista

Aqra wkoll

Hekk kif din il-ġimgħa diversi pajjiżi inġabru ġewwa Glasgow fl-Iskozja sabiex jintlaħaq qbil globali dwar kif se nsalvaw id-dinja mill-effetti tal-klima, ta’ min wieħed iħares lejn is-setturi li jipproducu l-ikel, specifikament tal-agrikoltura u s-sajd. Dawn qed jaffaċċjaw numru ta’ sfidi li jeħtieġu attenzjoni u soluzzjonijiet kemm fuq livell nazzjonali u dak reġjonali. 

Impatti fuq Agrikoltura u Sajd 

Effetti tal-klima li wieħed seta jara biċ-ċar anke tul din is-sena kienu t-temperaturi għoljin fis-sajf, li saħansitra wasslu għal nixfa kbira fl-għelieqi u impatti irriversibbli fuq il-prodotti. Dawn l-elementi kienu riflessi f’għelieqi sħaħ ta’ xitel u siġar li spiċċaw litteralment mixwijin peress li ma felħux għal perjodu sħiħ ta’ temperaturi għoljin. F’pajjiżi ġirien tagħna, kemm il-foresti tal-Italja u l-Greċja esperjenzaw nirien, li m’humiex komuni fis-sjuf Mediterranji.

Fenomeni oħra li huma wkoll meqjusa bħala effetti tal-bdil fil-klima jirriżultaw minn maltempati qawwija u għargħar li ħakmu r-regjun tal-Mediterran tul il-ħarifa, u li anke jwasslu għall-impatt fuq il-produzzjoni tal-ikel. Meta tagħmel xita bil-qliel wara ħafna nixfa, dan iwassal biex jifqa’ l-ħamrija u anke n-nutrijenti ta’ ġo fija, u għaldaqstant jaffetwa l-produzzjoni tal-ikel. Każi estremi anke jwasslu li jintilfu ammonti kbar ta’ ħamrija mal-ilma tax-xita. Skond studju riċenti mill-Università ta’ Malta jindika illi sa 80 sena oħra, il-problemi relatati mal-biedja se jkomplu jikbru minħabba n-nuqqas ta’ xita, u ż-żieda fil-livell tal-baħar, li jfisser intrużjoni ta’ ilma mielaħ fir-riservi tal-ilma tal-blat. 

Fil-każ tal-baħar, fis-sajd ukoll qed naraw impatti relatati mal-klima minħabba li l-ibħra Mediterranji qed jesperjenzaw firxa ta’ speċi aljeni li jidħlu mill-baħar Indjan, u bil-mod il-mod qed isibu rwieħhom bħala residenti fl-ekosistemi lokali. Dan iwassal għall-impatt fuq il-popolazzjoni tal-ħut Malti, minħabba l-kompetizzjoni li tinħoloq għall-ikel tal-istess speċi. Fit-tul, dan jista’ joħloq anke tibdil fl-ekosistemi u r-riproduzzjoni ta’ diversi speċi ta’ ħut li jistgħu anke jiġu mhedda jew estinti. Għalkemm għad m’hemmx konklużjonijiet xjentifiċi dwar il-fatt li fis-sena 2021 ma tantx kellna lampuki, it-temperaturi estremi ta’ din is-sena jistgħu jkunu indikazzjoni ewlenija ta’ dan l-effett.  

Politika Soċjo-Ekoloġika għal pajjiżna

Filwaqt illi t-tibdil fil-klima jeħtieġ sforzi internazzjonali sabiex innaqsu l-effetti klimatiċi li qed iżidu l-vulnerabbiltà tas-setturi tal-ikel, bħala pajjiż għandna nfasslu politika soċjo-ekoloġika li tagħti s-sostenn neċessarju lil dawn is-setturi. Permezz tal-miżuri skedati fil-baġit fosthom dawk immirati għall-biedja u sajd, flimkien mal-miri soċjo-ekoloġiċi li Malta trid tilħaq fil-qafas tal-Green Deal Ewropew, pajjiżna jinsab fid-direzzjoni t-tajba sabiex ikompli jibni r-reżiljenza tiegħu kontra t-tibdil fil-klima. 

Bħala gżira hu kruċjali illi ninvestu f’infrastruttura sabiex inkomplu nikkonservaw l-ilma tax-xita, u nutilizzaw ilma sekondarju permezz tas-sistema New Water. Il-miżura tal-bagit li propju tkellmet dwar l-estenzjoni tas-sistema sabiex tipprovdi lil aktar bdiewa b’ilma rriċiklat għat-tisqija tal-prodotti tagħhom intlaqgħet tajjeb hafna. Ma’ dan tajjeb inżidu l-impenn li għandna bżonn biex jiġu mibnija jew msewwija ġibjuni tal-ilma sabiex jinħażen l-ilma fihom, kif ukoll rinovazzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ illi jservu ta’ protezzjoni għas-sostennibilità tal-ħamrija. 

Il-ġlieda kontra l-effetti tal-klima nistgħu anke nibdew naffettwawha fil-prattiċi tagħna ta’ kuljum permezz tad-deċizjonijiet li nagħmlu bħala ċittadini Maltin u Ewropej, meta nagħżlu l-prodotti li aħna nikkunsmaw. Ir-rata ta’ carbon footprint ta’ ikel frisk (frott, ħaxix, laħam u ħut) impurtat ġewwa gżiritna hu pjuttost ogħla minn dak li nipproduċu f’pajjiżna, minħabba l-loġistika li jeħtieġ biex dan jasal f’Malta. Għaldaqstant, meta aħna nikkonsmaw prodotti mkabbra f’pajjiżna, aħna nkunu qegħdin innaqqsu l-ammont ta’ karbonju fl-atmosfera, u nkomplu nagħtu s-sehem tagħna b’mod speċifiku għall-wieħed mill-problemi ewlenin tat-tibdil fil-klima. Apparti minn hekk, il-konsum ta’ prodotti lokali jagħti s-sostenn neċessarju lill-bdiewa, raħħala u sajjieda Maltin illi huma vittmi ewlenin tat-tibdil tal-klima. 

Alicia Bugeja SaidKandidata Laburista 3 u 7 Distrett

Sport