Thursday, March 28, 2024

Simulazzjoni ta’ emerġenza f’każ ta’ tsunami

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hekk kif illum qed jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji għall-Għarfien dwar it-Tsunami, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili flimkien ma’ entitajiet oħra tal-infurzar lokali kienu involuti f’eżerċizzju ta’ simulazzjoni li huwa tal-ewwel xorta tiegħu f’każ li l-pajjiż jinħakem minn mewġ ta’ metru u nofs għoli.

L-eżerċizzju, li sar f’Marsaxlokk, beda għall-ħabta tal-10.00 a.m., x’ħin id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu infurmati mill-Istitut Nazzjonali Taljan tal-Ġeofiżika u l-Vulkanoloġija li kien għadu kif seħħ terremot qawwi li kejjel 7.9 fuq l-iskala Richter qrib Sqallija u li teżisti possibilità li Malta tintlaqat minn tsunami.

Mal-konferma mill-Università ta’ Malta, skatta l-mekkaniżmu ta’ salvataġġ fejn indaqqu s-sireni u ntbagħtu wkoll il-vetturi ta’ emerġenza biex jiġu evakwati kemm jista’ jkun nies mill-inħawi ta’ max-xatt. Ir-residenti evakwati kienu diretti għal tliet żoni differenti, fejn hemmhekk kienu mitluba biex jagħtu d-dettalji tagħhom.

L-operazzjoni tas-salvataġġ imbagħad tissokta bi tfittxijiet għal dawk in-nies li jista’ jkun li għadhom maqbudin wara t-tsunami, u dawk feruti jingħataw l-ewwel assistenza fuq il-post jew jittieħdu l-Isptar għal aktar kura.

Ta’ min jgħid li l-pubbliku kkopera bis-sħiħ f’dan l-eżerċizzju, li dam madwar sagħtejn. Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila.

F’kelmtejn li għamel, il-Ministru Camilleri enfasizza li dan l-eżerċizzju huwa wieħed bżonnjuż sabiex biex bħala pajjiż inkunu ppreparati għal kull eventwalità.

Huwa spjega wkoll kif id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed ikompli jinvesti f’makkinarju u apparat ġdid filwaqt li f’dawn l-aħħar sentejn kienu investiti wkoll €300,000 għal taħriġ tal-ħaddiema apparti li ttejbu l-kundizzjonijiet tagħhom permezz ta’ ftehim kollettiv ġdid.

Il-Ministru Camilleri temm jgħid li fil-ġimgħat li ġejjin mistenni jsir ukoll eżerċizzju fl-eventwalità ta’ emerġenza f’bini għoli. 

Ekonomija

Sport