Monday, April 22, 2024

L-impjegati fl-Air Malta se jonqsu bi ftit iktar min-nofs

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Dawk li se jispiċċaw minn mal-kumpanija se jingħataw impjieg alternattiv mal-Gvern

L-Air Malta se tkun qiegħda tnaqqas l-għadd ta’ impjegati fi ħdanha minn 890 għal madwar 430. Fiż-żmien li ġej se jkun hemm skema ta’ trasferiment ta’ ħaddiema fejn diġà qed isir eżerċizzju sabiex jinsabilhom impjieg alternattiv mal-Gvern.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha tkellem dwar is-sitwazzjoni fl-Air Malta u d-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu sabiex din tiġi salvata.

Il-Ministru Caruana qal li minkejja li sar l-iżball li l-kumpanija tgħabbiet b’nies żejda ma jemminx li għandhom ikunu n-nies illi jbatu l-prezz ta’ dan kollu.

Huwa spjega li l-operazzjonijiet tal-Cargo Handling eventwalment iridu jieqfu sat-tieni kwart ta’ din is-sena filwaqt li f’dak li għandu x’jaqsam l-amministrazzjoni u l-cabin crew tal-inqas 110 ħaddiema li għandhom jiġu trasferiti.

Il-Ministru Caruana spjega wkoll kif f’April tas-sena l-oħra ġie sottomess lill-Kummissjoni Ewropea t-tieni rapport li permezz tiegħu l-Air Malta kienet qiegħda titlob għajnuna sabiex tagħmel tajjeb għat-telf li kienet qed iġġarrab minħabba l-pandemija. L-ewwel rapport kien intbagħat lill-Kummissjoni xi xhur qabel iżda kellha numru ta’ mistoqsijiet u għaldaqstant kellu jsir rapport ieħor. 

Huwa qal li kellu diversi laqgħat mal-Kummissarju Ewropew għall-Kompetizzjoni, Margrethe Verstager, fejn magħha saru diskussjonijiet dwar is-sitwazzjoni fl-air Malta.

“Meta ltqajt ma’ Verstager qaltli li l-Kummissjoni kienet tilfet il-fiduċja tagħha fuq il-kwistjoni tal-Air Malta għax matul is-snin, ġiet imwiegħda ħafna affarijiet iżda li ma sarux għad-detriment tal-kumpanija. F’Novembru li għadda, hija rat titjib sostanzjali fit-tmexxija u l-Kummissarju kienet sodisfatta ħafna bit-tibdil kbir li għamilna fl-imġiba tagħna,” spjega l-Ministru Caruana. 

Huwa kompla jgħid li l-kumpanija kienet diġà għamlet talba għal fondi biex ikun hemm ristrutturar fejn kienet ingħatat €130 miljun mil-Gvern lura fl-2012, liema ristrutturar kellu jintemm fl-2016. Dan ifisser li bir-regoli tal-UE ‘one-time-last-time’ l-Air Malta tista’ tibbenefika minn state-aid darba f’10 snin. B’hekk, id-darba li jmiss sabiex il-kumpanija tkun tista’ bennefika taħt dawn il-kundizzjonijiet, tista’ ssir biss fis-sena 2026.

Iktar minn hekk, il-kumpanija kienet diġà hekk imsejħa ‘technically in difficulty’ qabel il-Covid-19. Dan minnu nnifsu jfisser li l-kumpanija diġà kellha sfidi kbar li jipprekluduha milli tirċievi ċertu għajnuna saħansitra sa qabel faqqgħet il-pandemija. “Dan primarjament ġej mill-fattur li kull titjira kienet qed tirriżulta f’telf għall-kumpanija,” qal il-Ministru Caruana.

“Nemmen li għad hemm ir-rieda u ċ-ċans li l-Air Malta tiġi salvata”

Il-Ministru Caruana kompla jenfasizza li: “Kemm huwa l-ammont li l-Kummissjoni se tagħti lil-linja tal-ajru għadu mhux ikkomunikat lilna. Mhux qed nistenna ammonti kbar. Però, ikun kemm ikun l-ammont, ma jaffettwa xejn mid-deċiżjonijiet li rridu nieħdu, lanqas jaffettwa jekk il-kumpanija ttirx għada jew le. Żgur u mhux forsi minix se niġi hawn nipprova nbigħ xi ħaġa li naf li għada ma tistax issir.”

“Li kien għall-Kummissjoni Ewropea u dan għedtu lill-unions f’laqgħa li kelli aktar kmieni lbieraħ, kienu jippreferu li l-Air Malta ssegwi l-via tal-Alitalia, li tagħlaq il-kumpanija u tiġi ffurmata kumpanija ġdida. Fl-aħħar laqgħa li kelli mal-Kummissjoni spjegajtilhom li ma naqbilx ma’ din id-deċiżjoni għaliex meta għamlet dan l0-attentat l-Alitalia kien hemm diffikultajiet kbar u s-sitwazzjoni tagħna mhix prekarja daqs tal-Alitalia. Lil hinn minn hekk, nemmen li għad hemm ir-rieda u ċ-ċans li l-Air Malta tiġi salvata.”

“Spiċċa ż-żmien li l-kumpanija tibqa’ tesperimenta u tagħmel affarijiet li jiswewha biss flus li jinħarqu”

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol sostna li l-aktar miżura importanti li matul din l-aħħar sena li ttieħdet u se tibqa’ fis-seħħ ‘il quddiem hi dik li fl-ebda ċirkostanza l-operat tal-Air Malta ma jkun influwenzat minn xi deċiżjoni politika. 

Semma wkoll li deċiżjoni oħra li ttieħdet kienet dik li proprju “nirrazzjonalizzaw in-network tal-kumpanija.” Qal li n-network li kienet qed tesplora rotot ġodda li trid tasal fihom wassal għal impatt negattiv mill-iktar qawwi, minn tal-inqas ħaraq €40 miljun li l-kumpanija kellha biss għax biegħet l-assi tagħha.

Għaldaqstant, tenna li spiċċa ż-żmien li l-kumpanija tibqa’ tesperimenta u tipprova tagħmel affarijiet li eventwalment jiswewha biss flus li jinħarqu u ma jiġu xejn lura għalihom. 

Huwa fakkar ukoll li l-kumpanija qabel kellha pjanijiet biex tmur lil hinn mill-kontinent Ewropew. “Madankollu, dawk il-pjanijiet li għalihom kienu se jinxtraw sett ta’ ajruplani dik id-deċiżjoni fid-dawl ta’ dan kollu żgur ma tagħmilx sens.”

“Għaldaqstant, dawn iż-żewġ ajruplani li kellhom jinxtraw inbidlu f’ajruplani li jagħmlu sens aktar għall-kontinent Ewropew li minnhom infushom anke f’dak li għandu x’jaqsam kemm se jiġi jiswew lill-kumpanija bħala kirjiet, se jkunu wkoll orħos minn dawk l-ajruplani li l-kumpanija għandha eżistenti bħalissa.”

“Irridu nassiguraw li jkun hemm aktar flessibilità fil-ftehimiet kollettivi tal-ħaddiema”

Finalment, huwa qal li rridu nassiguraw li jkun hemm aktar flessibilità fil-ftehimiet kollettivi tal-ħaddiema. Qal li minkejja li l-ftehimiet kollha tal-ħaddiema jintemmu sal-aħħar ta’ din is-sena, appella lill-unions sabiex dawn jiġu konklużi sat-tieni kwart tas-sena.

“Dan minnu nnifsu apparti li jagħti sens ta’ direzzjoni li għad baqa’ futur għall-Air Malta jippermetti liċ-Ċermen sabiex ifittex opportunitajiet ġodda ta’ negozju li se jitolbu flessibilità mill-ħaddiema fix-xhur li ġejjin.

“Fiż-żmien li ġej, se jiġu ngaġġati esperti barranin sabiex jgħinuna fin-negozjar ta’ dawn il-ftehimiet kollettivi sabiex l-istruttura kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-kumpanija Air Malta jkunu allinjati mal-prattiċi fl-industrija.”

Dwar il-laqgħa li kellu lbieraħ mal-unions, il-Ministru Caruana qal li kien xi ftit jew wisq sopriż b’din il-laqgħa li kienet waħda kordjali. Qal li kienu sagħtejn fejn l-unions qed japprezzaw il-ħidma li qed issir, l-offerta li għamel il-Gvern u li għad baqa’ futur għall-kumpanija.

“Ilkoll kemm huma wrew ir-rieda li fiż-żmien li ġej jiġu indirizzati l-isfidi li hemm permezz tal-ftehimiet kollettivi li jridu jingħalqu. Se jkunu qed isiru s-sottimissjonijiet min-naħa tal-unions fil-jiem li ġejjin sabiex nerġgħu niltaqgħu u dan il-proċess ta’ trasferiment ikun konkluż bl-aktar mod spedit,” temm jgħid il-Ministru Caruana.

Sport