Thursday, March 28, 2024

Imnedija l-istrateġija għall-Kapaċità Finanzjarja għall-2022 sal-2025

Aqra wkoll

Imnedija l-Istrateġija għall-Kapaċità Finanzjarja 2022-2025 wara s-suċċess tal-istrateġija ĠEMMA, li wasslet għat-tfaddil fost persuni fl-età tal-irtirar. Din it-tieni strateġija, li se tibni fuq l-istrateġija ĠEMMA, se tkun qed tassigura l-konsolidazzjoni u s-sostenibbilità tal-ewwel strateġija biex titrawwem kultura akbar ta’ tfaddil.

Dan tħabbar mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon matul konferenza tal-aħbarijiet. ĠEMMA tnediet lura fl-2017 u wasslet għal għarfien finanzjarju fost adulti u żgħażagħ u saħansitra tfal sa minn età bikrija. Filfatt, programmi speċifiċi dwar tfaddil niżlu tajjeb ħafna fl-iskejjel, tant li tfal żgħar fehmu dwar l-importanza li jfaddlu.

Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Michael Falzon stqarr li l-viżjoni hija li titjieb il-kapaċità finanzjarja matul avvenimenti ewlenin tal-ħajja u l-irtirar. B’hekk, kull persuna jkollha l-ħiliet biex tkun f’pożizzjoni li tieħu deċiżjonijiet finanzjarji aktar infurmati.

“Illum qed inħabbru ħmistax-il rakkomandazzjoni proposti għat-tliet snin li ġejjin. Kollox idur ma’ aktar għarfien u pjanar, aċċess għal aktar informazzjoni fuq il-mezzi soċjali u mod aktar interattiv ta’ kif isiru programmi edukattivi. Fuq kollox, irridu nibgħatu messaġġ li l-għarfien finanzjarju huwa parti integrali minn kull stadju tal-ħajja. Irridu naraw li kull individwu jkollu l-ħiliet neċessarji biex jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu,” stqarr il-Ministru Falzon.

Min-naħa tagħha, it-Team Leader tal-istrateġija ĠEMMA Helena Holland sostniet li fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed tingħata aktar informazzjoni dwar l-introduzzjoni ta’ aktar programmi ta’ għarfien. Spjegat li l-għan ta’ dawn il-programmi huwa li, permezz ta’ kompetizzjonijiet u forom oħra ta’ għarfien, titqajjem kuxjenza dwar dan is-suġġett biex aktar persuni jitgħallmu jfaddlu.

Ekonomija

Sport