Nhar il-Ġimgħa, 26 ta’ Mejju 2023, l-impjegati tal-BOV bidlu l-ilbies formali tax-xogħol għal dehra aktar każwali bl-aħdar ikun il-kulur ewlieni tal-ġurnata. Din l-inizjattiva ttieħdet mill-Bank biex iqajjem kuxjenza dwar is-saħħa mentali, bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea tas-Saħħa Mentali li saret bejn it-22 u t-28 ta’ Mejju 2023.
“L-aħdar huwa rikonoxxut internazzjonalment bħala s-simbolu tal-għarfien dwar is-saħħa mentali,” sostna Ray Debattista, li jmexxi l-funzjoni People and Culture tal-Bank. “Hija drawwa li n-nies jilbsu l-aħdar biex juru li jimpurtahom minn kwistjonijiet ta’ saħħa mentali u jagħtuha l-importanza li hija dovuta.” Huwa kompla jispjega li, “l-Bank of Valletta huwa organizzazzjoni ffokata biex tipprovdi lill-klijenti tagħha bl-ogħla livell ta’ servizz possibbli. Madankollu, nistgħu nagħmlu dan biss jekk ikollna impjegati li jħossuhom tajbin kemm mentalment kif ukoll fiżikament. Hija r-responsabbiltà tagħna li nkomplu nistinkaw biex noħolqu ambjent tax-xogħol li jappoġġa b’mod tanġibbli l-benessri tan-nies tagħna.”
Dan is-sentiment tennieh ukoll il-Kap Eżekuttiv, Kenneth Farrugia, li rrikonoxxa l-ħidma fejjieda li l-impjegati tal-Bank jagħmlu fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum. “Fil-Bank of Valletta, nagħrfu l-importanza li nżommu mentalità u approċċ b’saħħtu f’dak kollu li nagħmlu. Il-promozzjoni tas-saħħa mentali hija parti integrali minn din ir-realtà, li llum il-ġurnata m’għadhiex ristretta għall-uffiċċju iżda testendi wkoll għall-ambjent tad-dar. Għalina, din mhix sempliċiment xi ħaġa li nfakkru darba fis-sena – bħala wieħed mill-akbar kumpaniji f’Malta, nadottaw approċċ kontinwu biex nissalvagwardjaw il-benesseri tal-impjegati tagħna, u b’hekk verament inwettqu l-wegħda tagħna li nkunu l- Post tax-Xogħol Preferut għall-impjegati tagħna.”
Bħala parti mill-benefiċċji għall-impjegati, il-BOV joffri lill-impjegati tiegħu aċċess immedjat u kunfidenzjali għal servizzi ta’ konsulenza u appoġġ permezz tas-sħubija mal-Fondazzjoni Richmond. Barra minn hekk, l-impjegati tal-BOV jirċievu allowance annwali għal oġġetti u servizzi marbuta mal-benessri fiżiku u mentali tagħhom. Bħalissa hemm xogħol għaddej f’dan il-qasam, bil-ħsieb li jiġi mqanqal stil ta’ ħajja aktar attiv u b’saħħtu fost il-komunità tal-Bank. Il-benessri tal-impjegati huwa importanti wkoll, bil-Bank jipprovdi opportunitajiet għat-titjib tal-ħiliet, it-tkabbir personali, l-iżvilupp tal-intelliġenza emozzjonali, u t-trawwim ta’ kultura ta’ tagħlim kontinwu.
Din is-sena l-Bank reġa nieda l-BOV Sports and Social Club, li kien twaqqaf għal ftit kaġun tal-pandemija. Permezz ta’ din l-inizjattiva, qed jiġu organizzati attivitajiet bħal kwizz, ċikliżmu, fotografija u trekking biex in-nies ikunu jistgħu jiltaqgħu fuq livell soċjali. Sadanittant, il-Bank jorganizza attivitajiet mill-aktar mistennija bħar-Riċeviment tas-Sajf tal-BOV u r-Riċeviment tal-Milied.
Waqt l-attività organizzata nhar il-Ġimgħa, diversi timijiet madwar il-Bank ħadu ritratti tat-tim u ssottomettew messaġġi li jippromwovu s-saħħa mentali. Fost is-slogans imressqa, ta’ min wieħed isemmi l-poeżija qasira ta’ hawn taħt li għaddhielna Roberto Schembri:
Switch off that screen
And go into the green
It will give you the energy of a teen
And don’t forget to eat lots of green
As it will get you more lean