Sunday, December 22, 2024

L-INĊIDENTI U L-FATALITAJIET TAX-XOGĦOL U L-KONSEGWENZI FUQ IL-QRABA

Aqra wkoll

Għeżież qarrejja, sfortunatament sikwit sirna nisimgħu b’inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol, fi kwalunkwe post b’mod speċjali fejn tidħol il-kostruzzjoni. Kull fatalità u mewt fuq il-post tax-xogħol hija traġedja u diżgrazzja li tibqa’ ttimbrata u mtappna fil-moħħ tal-qraba ta’ dik il-vittma partikolari. Saħansitra ikun hemm inċidenti fejn il-qraba jkunu jridu jaraw il-vittma u ma jħallux lill-ħaddiema jagħmlu xogħolhom. Reazzjoni bħal din hija normali għax meta dawk li jiġu minnek jiġrilhom hekk, inti tkun trid tipproteġihom u ma tħallix lil xi ħadd barrani li jmisshom. Apparti hekk, il-qraba jkunu jridu jaraw x’seta’ ġara biex seħħ l-inċident u jħossuhom ħatja li ma kinux hemm għalihom. Biżżejjed ukoll naħsbu ftit li dik il-persuna ħarġet mid-dar għall-ħobża ta’ kuljum u baqgħet ma’ rritornat lura qatt. Dan il-ħsieb huwa biżżejjed biex iħallina naħsbu u nirriflettu fuq il-konsegwenzi ta’ wara.

Għaldaqstant, meta tiġri traġedja ta’ dan it-tip mhux faċli għal min jibqa’ wara, sew jekk hu armel, armla jew iltim jekk il-vittma jkollu l-ulied, li jerġgħu għal ħajja normali fi żmien qasir. Ix-xokk li jġarrbu dawn il-persuni huwa indiskrivibbli u immaġinabbli. Ir-rimors li persuna ma tistax terġa’ taraha u tkellimha aktar huwa fih innifsu fattur xokkanti, apparti konsegwenzi oħra li żgur se joħolqu diffikultajiet kemm finanzjarji u wisq aktar emozzjonali. Wieħed ma’ jridx jinsa li l-vittma x’aktarx kien jew kienet is-sors ewlieni ta’ sostenn għall-familja, u li jġib l-għajxien tal-familja. Għaldaqstant tkun trid tinstab soluzzjoni għal dan u din mhux dejjem tkun faċli. Apparti din il-problema ta’ sostenn finanzjarju, hemm il-problemi li jolqtu lill-ulied, li mhux dejjem  faċli biex jaċċettaw li ġenitur telaq u mhux reġa’ ġej lura. Hija esperjenza negattiva li ġġorr magħha konsegwenzi li jistgħu jkunu koroh immens u sfortunatament iġorruhom matul ħajjithom kollha. Li t-tfal jidraw jgħixu mingħajr wieħed mill-ġenituri tirrikjedi proċess twil ta’ rijabilitazzjoni u mingħajr ma’ ninstemgħa negattiva, dan mhux dejjem jirnexxi. Jeżisti proċess ta’ psikoloġija ntensa li fih jiġu megħjuna dawn il-persuni sabiex bil-mod jibdew jintegraw u jerġgħu lura għal ħajja normali. Dan huwa xogħol delikat ħafna u jirrikjedi terminu twil.

Iżda min-naħa tal-awtoritajiet tajjeb li naraw kif kemm hu possibbli nnaqsu dawn il-każijiet li sfortunatament qegħdin dejjem jiżdiedu. Għalkemm ħafna mill-każijiet huma marbuta ma’ siti ta‘ kostruzzjoni, jeżistu wkoll inċidenti fi kwalunkwe post tax-xogħol ieħor. Is-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol huma l-qofol sabiex nevitaw dawn it-tip ta’ inċidenti. Tajjeb li nsemmu li teżisti ħidma ta’ kordinazzjoni bejn diversi taqsimiet ta’ infurzar, bil-għan li jkunu evitati kemm jista’ jkun l-inċidenti. L-infurzar kif ukoll it-taħriġ u tagħmir ta’ sigurta huma fundamentali sabiex nipprevjenu ċertu fatalitajiet. Apparti dan teżisti wkoll direttiva li tħares s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. Din tistabbilixxi obbligi kemm fuq min iħaddem kif ukoll fuq l-impjegat, sabiex jitnaqqsu l-inċidenti u agħar minn hekk fatalitajiet.

Nifhem li x-xogħol irid isir u f’ċerti ċirkostanzi jkun hemm miri u termini li jridu jintlaħqu, iżda dan m’għandux jitfagħna f’aljenazzjoni u biex inħaffu l-produzzjoni nduru mas-sistema u noħolqu periklu li jwassal għal konsegwenzi serji. Importanti li dejjem u qabel kull ma’ nagħmlu naħsbu x’jista jiġri wara u niftakru wkoll f’dawk li jistgħu jbatu minħabba traskuraġni ta’ ħaddieħor. Nittama li dan il-ħsieb għandu jwassalna sabiex nevitaw aktar diżgrazzji li ħadd ma jixtieq li jseħħu.

Fl-aħħar mill-aħħar il-ħarsien tas-saħħa u sigurta’ fuq il-post tax-xogħol jirrikjedu bidla fil-ħsieb u fil-kultura tal-impjegati.

Ekonomija

1 kumment

  1. Isir hafna abbuz minn nies tax xoghol.Nhar it tlieta rajt zewg kahhala jahdmu.Jiksu faccata ta blokka bini f’hal lija.Kienu fuq fallakka kellhom safety harness.Kellhom lifeline kull wiehed.Wiehed kellu habel mis safety harness ghall life line.Liehor ghallkemm kellu safety harness ma kellux Habel mill harness ghall lifeline.Insaqsi fejn kien l engineer responsabli mill blokka.Jekk iggib haddiem jahdem fdarek trid taghmel linsurance u tqabbad safety officer.Dawn ikollom insurance.Fejn nistaw incemplu biex nirrapurtaw dawn labbuzi

Comments are closed.

Sport