Wednesday, April 24, 2024

“Naħdmu t-tnejn u m’għandniex biżżejjed biex nidħlu f’post”

Il-problema taż-żieda fil-prezz tal-kirjiet

Aqra wkoll

Is-suq tal-proprjetà sploda u tul dawn l-aħħar ftit snin il-prezz li bih wieħed jista’ jikri proprjetà żdied ħafna. Il-prezz biex tikri mqar appartament ta’ żewġt ikmamar tas-sodda huwa medja ta’ €800. Dan l-ammont jibla’ kważi paga sħiħa ta’ dawk bi dħul baxx u żewġ terzi tal-paga ta’ dawk bi medju. Konsegwenza ta’ dan, illum il-ġurnata, għal ħafna nies, m’għadux vijabbli u possibbli li tikri post fejn toqgħod. 

Hekk qiegħed jiġri lil għadd ta’ familji Maltin, ħafna drabi bit-tfal, li qegħdin jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. Dan bħal fil-każ ta’ mara miżżewġa u omm li f’appell iddisprat għall-għajnuna jew għall-inqas parir minn persuni li għaddew minn esperjenza simili, qalet li minkejja hija u r-raġel jaħdmu t-tnejn, m’għandhomx biżżejjed flus biex jidħlu f’post.

Permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali din omm, li tant ġiet dahra mal-ħajt li litteralment ma tafx x’se taqbad tagħmel, qalet “skużawni imma ma nafx minn fejn se nibda ħlief li qatt ma bsarna li se niġu f’din il-pożizzjoni… Li tispiċċa bla saqaf fuq rasek b’żewġt itfal, jien u r-raġel. Tipprova ssib l-għajnuna mingħand l-entitajiet u ħadd ma jgħinek”. 

Din il-mara qalet li bħalissa hija u r-raġel qegħdin ifittxu post fejn jgħħixu malajr kemm jista’ jkun. Spjegat li bħala familja Maltija ppruvaw japplikaw għal post tal-Gvern iżda minkejja li “urejnihom kollox li spiċċajna homeless u li m’għandna ebda tip ta’ għajnuna, kulma qalulna kien biss li bħalissa m’għandhomx postijiet”. 

Hawnhekk hija staqsiet għala m’hemmx mezzi oħra kif jistgħu għinu lin-nies ħalli jkollhom saqaf fuq rashom anke fid-dawl li “illum il-ġurnata l-ħajja hija għolja ħafna u biex ikollok post b’imqar żewġt ikmamar tas-sodda, jekk issib, trid minn tal-inqas €900 fix-xahar”.

Sport