Malta llum qiegħda tiċċelebra Jum l-Indipendenza, jum tant sinjifikattiv għal pajjiżna li jfakkarna kif fl-1964 pajjiżna ma baqax taħt it-tmexxija tal-kolonja Ingliża. Iċ-ċelebrazzjoni ta’ dalgħodu, permezz tal-Kumitat Festi Nazzjonali, kellha għadd ta’ attivitajiet.

L-ewwel attività bdiet fid-9.10am, il-Gwardja tal-Unur u l-Banda tal-Forsi Armati ħadu posthom f’Misraħ San Ġwann fejn il-President George Vella ngħata s-salut nazzjonali u għamel l-ispezzjoni tal-Gwardja tal-Unur. Wara saret il-quddiesa pontifikali u kant tat-Te Deum.

Segwiet imbagħad l-attività simbolika tat-tqegħid ta’ fjuri fuq il-monument tal-Indipendenza fil-Furjana mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż – l-Aġent Prim Ministru, Owen Bonnici, il-President ta’ Malta, George Vella u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

Fit-8.00 ta’ filgħaxija se jitella’ kunċert mill-Orkestra filarmonika ta’ Malta fit-teatru Manoel. Dan il-kunċert, taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Michael Laus, se jinkludi diversi kompożizzjonijiet ta’ Nicolo Isouard, Vincenzo Bugeja, Ruben Zahra, Paolino Vassallo u Josef Bugeja.

Is-serata se tinkludi ukoll silta minn Giuseppe Verdi u Otto Nicolai.




