Saturday, May 4, 2024

Preżentazzjoni ta’ ċertifikati lill-parteċipanti tal-programm “Way to Work”

Aqra wkoll

Sitt persuni b’diżabilità ġew ippreżentati b’ċertifikat wara li matul l-aħħar sitt xhur attendew sessjonijiet offruti minn Aġenzija Sapport permezz tal-programm “Way to Work”. Dan il-programm joffri taħriġ lil persuni b’diżabilità sabiex iħejjihom għall-impjieg. Dan kien it-tieni grupp li temm b’suċċess dan it-taħriġ mill-bidu ta’ dan il-programm f’Ottubru 2022, bi grupp ta’ 11-il parteċipant ieħor ingħataw ċertifikat f’April li għadda.

Minn dawn is-sitt parteċipanti l-ġodda, wieħed diġà sab impjieg u żewġ parteċipanti applikaw għal korsijiet oħra sabiex itejbu l-kwalifiki tagħhom b’kollaborazzjoni ma’ Lino Spiteri Foundation. Parteċipant ieħor se jibda esperjenza fil-qasam tal-volontarjat.

Il-programm “Way to Work” joffri wkoll sessjonijiet fuq bażi individwali skont il-ħtieġa tal-parteċipanti. Fil-fatt, kien hemm 46 persuna b’diżabilità li bbenefikaw minn dawn is-sessjonijiet, biex b’hekk it-total ta’ benefiċjarji mill-bidu tal-programm s’issa laħaq 63 persuna b’diżabilità.

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli faħħret dan il-proġett u ddeskrivietu bħala ċavetta importanti għall-indipendenza ta’ persuni b’diżabilità.

“Nemmnu bis-sħiħ li aktar persuni b’diżabilità jidħlu fid-dinja tax-xogħol, u dan il-programm qed jagħti mhux biss il-kunfidenza u l-għodda meħtieġa lil min jattendi għalih, imma qed iservi ta’ għajnuna għal min iħaddem li qed isib persuni b’diżabilità preparati għal fuq il-bank tax-xogħol,” stqarret il-Ministru Farrugia Portelli.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna rrefera lejn il-ħidma u l-impenn tal-parteċipanti bħala wieħed eżemplari. Spjega kif l-interess tagħhom li jsegwu dan il-programm juri x-xewqa u l-motivazzjoni tagħhom sabiex jikkontribwixxu fil-komunità u jkunu aktar indipendenti. “Bħala Aġenzija, rajna l-frott li programmi bħal dawn jiksbu. L-Aġenzija temmen fil-potenzjal tal-persuni b’diżabilità u tkompli fil-ħidma tagħha għall-inklużjoni u l-parteċipazzjoni b’mod sħiħ fil-komunità ta’ persuni b’diżabilità,” temm jgħid is-Sur Scicluna.

Uħud mis-suġġetti li ġew diskussi waqt dawn is-sessjonijiet jinkludu: użu sikur tal-internet u tat-teknoloġija, immaniġġjar tal-flus, kif tkun assertiv, l-etika fuq il-post tax-xogħol, kif tikteb CV, kif tfittex xogħol minn pjattaformi diġitali, kif iġġib ruħek waqt intervista għal xogħol, l-użu tat-trasport pubbliku, saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u oħrajn. Dawn huma kollha suġġetti li huma intenzjonati sabiex jippreparaw lill-individwi b’ħiliet għal fuq il-post tax-xogħol.

Waqt din l-attività, il-parteċipanti ppreżentaw dokumentarju dwar l-esperjenza tagħhom, b’memorji ta’ diversi inizjattivi li attendew għalihom bħala parti mit-taħriġ u anke taw il-kummenti tagħhom dwar x’fisser għalihom “Way to Work”. Fi kliem il-parteċipanti, huma jemmnu li grazzi għal “Way to Work” huma jinsabu pass eqreb lejn li jsibu impjieg. Il-programm għenhom ukoll jibnu ħbiberiji ġodda u jakkwistaw ħiliet ta’ għajxien indipendenti. George, wieħed mill-parteċipanti, qasam ukoll l-esperjenza tiegħu dwar id-diversi abbiltajiet li rnexxielu jikseb matul dawn is-sessjonijiet speċjalment taħriġ dwar għajxien indipendenti.

Il-programm ta’ taħriġ twassal bejn April u Settembru ta’ din is-sena, bit-tielet grupp ser jibda jattendi s-sessjonijiet fil-jiem li ġejjin.

Sport