Saturday, December 21, 2024

L-Indoneżja tneħħi l-projbizzjoni minn fuq il-Boeing 737 Max… tliet snin wara l-mewt ta’ 189 passiġġier

Aqra wkoll

L-Indoneżja neħħiet il-proj­bizzjoni minn fuq l-ajruplani tal-għamla Boeing 737 Max. Dan seħħ tliet snin wara d-diżastru tal-ajru magħruf bħala dak ta’ Lion Air li kien ħa l-ħajja ta’ iktar minn 189 persuna. 

Żewġ inċidenti f’pajjiżi differenti b’ajruplani 737 Max, li huma fost l-iktar mudelli popolari li qatt kellhom Boeing, kienu wasslu biex jitwaqqaf l-użu tagħhom madwar id-dinja kollha. Il-projbizzjoni globali kienet daħlet fis-seħħ wara l-inċident tal-Linja tal-Ajru tal-Etjopja li kien seħħ f’Marzu tal-2019. Din il-linja tal-ajru kienet reġgħet bdiet tuża dawn it-tip t’arjuplani fi Frar li għadda. 

Illum il-ġurnata hemm iktar minn 180 pajjiż li reġgħu bdew jużaw is-737 Max. L-Awstralja, il-Ġappun, l-Indja, il-Malażja u Singapore kienu neħħew il-projbizzjoni iktar kmieni din is-sena. Fl-aħħar sigħat kien imiss lill-Indoneżja li tneħħi l-projbizzjoni, u din se tkun qiegħda tidħol b’effett immedjat. L-awtorita­jiet tal-pajjiż qalu li qed isiru t-testijiet kollha neċessarji biex ikun żgurat li dawn huma siguri. 

B’kollox kien hemm żewġ traġedji kbar li fihom kienu involuti ajruplani Boeing 737 Max. Fid-29 ta’ Ottubru tal-2018, it-titjira ta’ Lion Air 610 b’ajruplan 737 Max kienet iġġarrfet fil-Baħar Java 13-il minuta wara li telqet mill-ajruport ta’ Jakarta fl-Indoneżja. Dakinhar 189 passiġġier u membri tal-ekwipaġġ tilfu ħajjit­hom. Inqas minn ħames xhur wara, ajruplan ieħor Boeing 737 Max din id-darba tal-Linja tal-Ajru tal-Etjopja kien iġġarraf sitt minuti wara li telaq mill-kapitali Addiss Ababa. Dakinhar tilfu ħajjithom 157 persuna.

Ekonomija

Sport