Wednesday, October 9, 2024

L-INDUSTRIJA TAT-TURIŻMU RKUPRAT SEW

Aqra wkoll

L-industrija tat-turiżmu li llum qed niċċelebraw il-jum dinji dwaru, iġġegeħlna nieqfu u nirriflettu ftit fuq l-importanza li għandha din l-industrija għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Fuq livell globali, fejn in-nazzjonijiet huma interkonnessi u fl-istess ħin interdipendenti, it-turiżmu hija industrija magħmula min-nies u għan-nies. 

Fl-ewwel xhur ta’ din is-sena, is-settur tat-turiżmu kompla jaqbeż kull aspettattiva, bit-total ta’ wasliet ta’ turisti kienu jlaħħqu kważi 2 miljuni bejn Jannar u Lulju, żieda ta’ 22.4 fil-mija fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Dawn ir-riżultati ma kinux ikunu possibli mingħajr il-ħidma sfieqa ta’ diversi entitajiet li jagħmlu minn kollox biex jirreklamaw lil pajjiżna bl-aħjar mod barra minn xtutna. Fuq quddiem nett hemm l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, li qed tiffoka l-ħidma tagħha mhux biss biex ikunu attirati turisti mill-Ewropa imma anke lil hinn. Ma din nistgħu nżidu wkoll il-kumpanija KM Malta Airlines, li għalkemm għadha fit-tfulija tagħha, qed tikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-settur turistiku u servizzi anċillari marbuta mat-turiżmu

Illum il-ġurnata, is-settur tat-turiżmu qed ikompli jikber u jespandi. It-turist qiegħed ifittex il-kwalità fis-servizz. Għalhekk irridu nkunu destinazzjoni ta’ kwalità li tagħti valur għall-flus, fejn nagħtu lit-turist dak li qed jistenna għall-flus li jħallas. 

Nemmnu li huwa essenzjali li jkompli jingħata taħriġ f’dan is-settur. Nifhmu li dan qiegħed isir permezz tal-ITS Training School u li dan isir mhux biss billi l-ħaddiema jmorru l-ITS, imma jekk ikun hemm bżonn it-taħriġ jingħata fuq il-postijiet tax-xogħol. Nemmnu li l-edukazzjoni hi ċ-ċavetta tas-suċċess u tassew tista’ tkun parti integrali minn dan is-suċċess li rridu niksbu mhux biss f’dan il-qasam imma anke bħala pajjiż.

Jekk niġu biex nagħtu definizzjoni ta’ xi jifsser it-turiżmu, nistgħu ngħidu li dan jgħaqqad lin-nies flimkien. Dan is-settur jista’ joħloq l-impjiegi, irawwem l-inklużjoni u jsaħħaħ l-ekonomiji lokali. It-turiżmu jista’ wkoll jippromwovi l-interdipendenza ekonomika bejn il-ġirien, iħeġġeġ il-kooperazzjoni u l-iżvilupp paċifiku.

Hekk kif illum qed niċċelebraw dan il-jum tant speċjali tat-turiżmu, ejjew nivvjaġġaw b’mod responsabbli u nippromwovu r-rispett reċiproku fost il-kulturi u n-nazzjonijiet. Dan għaliex flimkien, nistgħu nużaw il-qawwa tat-turiżmu biex navvanzaw fil-paċi u fil-prosperità għal kulħadd.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport