Monday, November 25, 2024

L-inflazzjoni f’Malta tkompli tonqos

Aqra wkoll

F’Marzu li għadda, ir-rata annwali tal-inflazzjoni skont l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur f’Malta kienet ta’ 2.7%, u dan ifisser tnaqqis 0.3% fuq ix-xahar ta’ Frar hekk kif dakinhar kien hemm rata ta’ 3.0 punti perċentwali

Ir-rata tal-inflazzjoni fiż-Żona Ewro f’Marzu ta’ din is-sena kienet ta’ 2.4% li wkoll rat tnaqqis ta’ 0.2 punti perċentwali meta mqabbel max-xahar ta’ Frar. Dan kollu juri li l-inflazzjoni f’pajjiżna baqgħet mal-medja taż-Żona Ewro filwaqt li hija inqas mill-medja ewropea.

Statistika ppubblikat mill-Eurostat turi li fiż-Żona Ewro kien hemm tnaqqis qawwi fir-rata tal-inflazzjoni meta fl-istess xahar tas-sena li għaddiet ir-rata kienet ta’ 6.9%.

Fl-Unjoni Ewropea kollha imbgħad ir-rata tal-inflazzjoni kienet ta’ 2.6% f’Marzu li għadda li wkoll kien hemm tnaqqis ta’ 0.2% meta mqabbel max-xahar ta’ Frar. Fl-istess xahar tal-2023 ir-rata tal-inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea kienet ta’ 8.3%.

Ir-rapport tal-Eurostat jgħid li l-inqas rata tal-inflazzjoni ġiet irreġistrata fil-Lithuania meta kien hemm rata ta’ 0.4% segwit mill-Fillandja u d-Danimarka b’rata ta’ 0.6% u 0.8% rispettivament.

L-ogħla rata tal-inflazzjoni ġiet irreġistrata fir-Rumanija b’6.7% segwita mill-Kroazja b’4.9% u wara l-Estorja u l-Awstrija b’rata ta’ 4.1%.

Intant rapport tal-NSO jgħid li r-rata medja annwali f’Malta fuq 12-il xahar għal Marzu 2024 kienet taʼ 4.6%.

L-ogħla kontribuzzjoni pożittiva fuq ir-rata annwali tal-inflazzjoni tkejlet fl-Indiċi tal-Ikel u x-xorb mhux alkoħoliku (+1.02 punti perċentwali), filwaqt li l-ogħla kontribuzzjoni negattiva kienet irrekordjata fl-Indiċi tal-Komunikazzjoni (-0.41 punti perċentwali).

FʼMarzu tal-2024, l-akbar impatt pożittiv fuq l-inflazzjoni annwali ġie mill-Indiċi tal-Ikel u x-xorb mhux alkoħoliku (+1.02 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla tal-ħalib. It-tieni u t-tielet l-akbar impatti pożittivi fuq l-inflazzjoni annwali ġew innotati fl-Indiċi tar-Ristoranti u lukandi (+0.69 punti perċentwali) u fl-Indiċi tal-Akkomodazzjoni, ilma, elettriku, gass u tipi taʼ karburanti oħrajn (+0.36 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla fis-servizzi tar-ristoranti u fil-kirjiet, rispettivament.

L-akbar impatti negattivi fuq l-inflazzjoni annwali kienu rreġistrati fl-Indiċi tal-Komunikazzjoni (-0.41 punti perċentwali), fl-Indiċi tar-Rikreazzjoni u l-kultura (-0.09 punti perċentwali) u fl-Indiċi tal-Ħwejjeġ u żraben (-0.07 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet inqas tas-servizzi tal-mowbajl, il-pakketti tal-ivvjaġar u l-ħwejjeġ, rispettivament.

Sport