Il-pressjoni li rata ta’ inflazzjoni kienet qed toħloq għadd ta’ xhur ilu, kompliet tbatti matul ix-xahar ta’ Lulju hekk kif l-inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea u fiż-żona Ewro kompliet tonqos. F’pajjiżna għax xahar ta’ Lulju l-inflazzjoni niżlet għal 5.6 fil-mija. Dan ifisser li l-inflazzjoni marret lura għal livell li kienet f’April tas-sena li għaddiet. B’ekonomisti qegħdin jipprevedu li din se tkompli tonqos, qegħdin jirrimarkaw li r-rata ta’ bħalissa xorta waħda għadha aktar minn 2 perċentwali lbogħod mir-rata aċċettabbli. Intant, f’għadd ta’ stabbilimenti barranin, issa qiegħed jinħass sew l-effett tal-inflazzjoni hekk kif id-domanda għal ċerti prodotti naqset sew tant li qiegħed ikun hemm skont sostanzjali fuq għadd kbir ta’ prodotti bil-għan li n-nies jiġu imħarjin jikkonsmaw aktar. Il-fatt li r-rata tal-inflazzjoni naqset, qed tnaqqas mill-pressjoni fuq il-Bank Ċentrali Ewropew biex ikompli jżid ir-rati ta’ interessi.
Ekonomista li tkellem ma’ IT-TORĊA qalilna li “quddiem it-tnaqqis fl-inflazzjoni fl-Ewropa, li hi xi ħaġa poożittiva, issa qegħdin naraw xejra oħra inkwetanti. Din ġejja minn barra l-Ewropa. Dan l-inkwiet ġdid ġej miċ-Ċina, fejn f’dan il-pajjiż qegħdin naraw li t-tkabbir ekonomiku qiegħed jonqos. Dan qiegħed iseħħ minħabba problema fis-settur tal-proprjetà. Jidher ċar ħafna li wieħed mis-sintomi ta’ dan it-tnaqqis ta’ tkabbir ekonomiku hu ġej minn deflazzjoni, jiġifieri tnaqqis fil-prezzijiet. Dan qed iwassal għal problemi ekonomiċi ġodda f’dan il-pajjiż.”
L-istess ekonomista qalilna li “dak li qed iseħħ fiċ-Ċina mhux qed iseħħ f’pajjiżi kbar oħra sa issa. Jekk nieħdu l-Istati Uniti per eżempju ma narawx il-problema ta’ deflazzjoni. Ma rridx ninftiehem ħażin, id-deflazzjoni mhix ħażina imma ma tista’ isseħħ fuq perjodu twil ta’ żmien. Jekk titwal li jiġri hu li l-konsumaturi jibdew iżommu lura fl-infieq tagħhom bil-għan li l-prezzijiet jonqsu aktar u dan ikollu riżultat diżastruż għax il-kumpaniji jibdew idaħħlu inqas flus u jispiċċaw jagħtu is-sensji. Dawk li jispiċċaw bla xogħol imbagħad inaqqsu l-infieq u jinħoloq ċirku vizzjuż.”
Enfasizza li “it-tnaqqis fil-prezzijiet fiċ-Ċina jidher li qiegħed iseħħ għax naqset id-domanda mill-Istati Uniti u anke minn pajjiżi Ewropej. Dan jidher li seħħ minħabba il-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja u anke minħabba it-tensjoni bejn iċ-Ċina u l-Istati Uniti. Jidher li anki l-konsumturi Ċiniżi qegħdin iżommu lura u dan wara tlett snin ta’ lockdowns minħabba l-pandemija. Il-qgħad fiċ-Ċina qiegħed ukoll jiżdied waqt li s-settur tal-proprjetà mhux għaddej minn mument tajjeb. Il-Gvern Ċiniż jidher li se jkun qed jieħu miżuri biex iżid l-infieq tal-konsumaturi. Fost dawn hemm tnaqqis fir-rati ta’ interessi mill-banek fiċ-Ċina. Wieħed irid ikompli isegwi u janalizza biex naraw fejn se jmur dan ix-xenarju, xenarju li jekk ikompli jtul jista’ jaffettwa l-kumplament tad-dinja”.
F’Malta inflazzjoni ta’ 5.6 fil-mija … fl-Unjoni Ewropea inflazzjoni ta’ 6.1 fil-mija
L-ekonomista jgħidilna li “jekk nieħdu x-xahar ta’ Lulju naraw li l-inflazzjoni fiż-żona Ewro kienet ta’ 5.3 fil-mija, waqt li l-inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea kienet ta’ 6.1 fil-mija. Jekk imbagħad nieħdu ir-rata ta’ pajjiżna naraw li din niżlet għal 5.6 fil-mija li hi 0.6 fil-mija inqas minn kemm kienet f’Ġunju. F’pajjiżna hu ċar li l-inflazzjoni qiegħda tikkalma u dan hu riflett anke fil-prezzijiet fil-ħwienet fosthom tal-ikel. Dan iżda ma jfissirx li m’hemmx min abbuż fl-aħħar ġimgħat. Sa issa mhux naraw dawk l-iskonti kbar fuq ikel kif hemm barra minn Malta. Il-mistoqsija għaliex? Aktarx li r-risposta hi għax il-poplu Malti baqa’ b’konsum qawwi. Dan ma jfissirx li m’hemmx min joqgħod attent imma b’mod ġenerali id-domanda baqgħet hemm. Din taraha ukoll anki fil-ħwienet tal-ikel u r-ristoranti minkejja tgergir li l-kwalità naqset meta komparata ma’ żieda fil-prezz. Il-mistoqsija li toħroġ minn dan kollu, hi f’pajjiżna se naraw il-prezzijiet imorru lura għal li kienu jew għallinqas fl-istess livell. Sa issa, kemm minn dak li qegħdin nisimgħu minn importaturi kif ukoll minn dak li qegħdin nisimgħu minn ħwienet partikulari, ma jidhirx li l-prezzijiet se jmorru lura”.
L-istess ekonomista jgħidilna li jekk nieħdu xirja partikolari li saret minn koppja anzjana u nqabbluha ma kemm kienet tinxtara qabel is-sena 2022 naraw li x-xirja għoliet b’24 fil-mija f’temp ta’ kważi sentejn. Saħaq li xirja li qabel is-sena 2022 kienet tiswa €72.38, f’Mejju tas-sena 2022 l-istess xirja saret tiswa €80.01. Illum dik l-istess xirja tiswa €90.03. Dan ifisser li f’sena u xahrejn, jiġifieri jekk tqabbilha ma’ Mejju 2022, ix-xirja għoliet 12 fil-mija”.