F’April, ir-rata ta’ nflazzjoni f’pajjiżna kompliet tonqos, tant li ġiet taħt il-medja tal-Unjoni Ewropea. Filfatt ir-rata tal-għoli tal-ħajja kienet 2.4% f’pajjiżna kontra 2.6% fl-UE.
Ir-rata għal Malta issa naqset għall-anqas livell minn Settembru 2021’l hawn. Mindu daħlet l-iskema Stabbilta fil-bidu ta’ Frar, l-inflazzjoni f’pajjiżna naqset minn 3.7% għal 2.4%, li tfisser tnaqqis ta’ aktar minn terz. B’kuntrast madwar l-Unjoni t-tnaqqis kien minn 3.1% għal 2.6%.
Għaldaqstant mindu bdiet l-iskema Stabbilta, l-inflazzjoni f’pajjiżna waqgħet darbtejn u nofs it-tnaqqis madwar l-Unjoni. Fil-fatt bejn Marzu u April l-indiċi tal-prezzijiet tal-ikel u x-xorb reġa naqas. Dan kien it-tielet xahar ta’ tnaqqis. Biex b’hekk bejn tmiem Jannar u tmiem April skont il-Eurostat il-prezz tal-ikel u x-xorb mhux alkoħoliku f’pajjiżna naqsu b’1.7%.
B’kuntrast madwar l-Unjoni fl-istess xhur kien hemm żieda ta’ 0.3%. Li jfisser li ls-sitwazzjoni għall-konsumatur Malti kienet 2% aħjar minn dik li affaċċjaw il-konsumaturi Ewropej. L-agħar sitwazzjoni kienet f’Ċipru fejn l-prezz tal-ikel u x-xorb żdiedu bi kważi 2% f’dawn it-tlett xhur. Fl-Italja l-pajjiż ġar tagħna u s-sors ta’ ħafna mill-ikel li nikkonsmaw, kien hemm tnaqqis ta’ 0.3% bejn Jannar u April, jew anqas minn kwint dak li seħħ f’pajjiżna.
Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jispikka l-impatt qawwi li kellha l-iskema Stabbilita biex waqqfet iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel f’pajjiżna.