Aktar kmieni llum tlestiet l-inkjesta Maġisterjali dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia mmexxija mill-Maġistrat Marse-Anne Farrugia.
Il-Prim Ministru ħabbar dan f’kummenti li għadda lill-midja u qal li l-pass li jmiss huwa li l-proċess verbal jgħaddi quddiem l-awtorijiet kompetenti, b’referenza għall-Pulizija. Spjega li l-Maġistrat kellha 60 jum li ħadithom kollha u mbagħad intalbu ħames estensjonijiet ta’ 30 jum kull wieħed għal total ta’ 150 jum addizzjonali. Fakkar li nhar it-Tnejn li għadda, il-Maġistrat talbet is-sitt estensjoni u wara appell kontinwu fl-aħħar jiem biex din tingħalaq kemm jista’ jkun malajr, jittama li dan serva biex l-inkjesta ġiet magħluqa.
“U l-appell konsistenti li jien għamilt lill-Maġistrat, jiġifieri li tagħlaq l-inkjesta mingħajr tkaxkir tas-saqajn, nagħmlu wkoll lill-Kummissarju tal-Pulizija, kif ukoll lill-Avukat Ġenerali, li issa għandhom il-funzjonijiet li skattaw fuqhom skont il-liġi ukoll, għalhekk nagħmel dan l-appell biex jeżaminaw ir-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Maġistrat inkwirenti mingħajr tkaxkir tas-saqajn għax dan huwa dak li qed titlob is-soċjetà tagħna. Imbagħad skont ir-rakkomandazzjonijiet jeżerċitaw id-diskrezzjoni u l-pregorattiva tagħhom”, kompla biex jgħid Dr Abela filwaqt li qal li issa se jkun qiegħed jitlob lill-Avukat Ġenerali biex tgħaddilu kopja tar-rapport, liema rapport huwa se jkun qed jippubblika fl-intier tiegħu skont kif wiegħed f’intervisti li kellu fl-aħħar jiem.
Il-Prim Ministru qal li fil-jiem li ġejjin se tkun qiegħda tibda l-inkjesta l-oħra skont l-Att tal-Inkjesti.