Saturday, December 21, 2024

L-inkjesta Sofia

Aqra wkoll

L-inkjesta Sofia ħarġet numru ta’ proposti.  Biss bħal ma jiġri s-soltu ħafna min-nies l-interess tagħhom hu li noqogħdu ngergru li ma sar xejn u nikkritikaw nies oħra.  Mhux talli hekk, imma ħafna drabi wara ftit żmien, ninsew kollox u kollox jibqa’ kif kien.  Nerġgħu niftakru meta jinqala’ inċident ieħor u nerġgħu nagħmlu l-istess proċess – nikkritikaw biss.  

Jien nemmen li l-isforz tagħna għandu jkun biex l-ewwel ħaġa nwettqu r-riformi li ma jkunux saru qabel u naraw ukoll li dan il-proċess jibqa’ jkompli biex ikollna żvilupp kontinwu li jsir parti min-natura tagħna.  It-tieni punt hu li nistudjaw ukoll x’hemm fil-proċessi tagħna li jridu jinbidlu biex kulħadd iġorr il-piż tiegħu.

Is-sigurta’ l-ewwel  pass

Biss din id-darba, kif ħareġ ir-rapport tal-Inkjesta Maġisterjali tal-każ Sofia, saru ċaqliqiet importanti.  L-ewwel ċaqliqa kienet l-introduzzjoni ta’ standards ġodda fis-settur ta’ kostruzzjoni.  Għalkemm l-emfasi kienet fuq is-sigurta’ meta jkun qed jittella’ xi bini, biss f’daqqa ċaqalqet ħafna affarijiet oħra.  Ir-raġuni hi li f’dan il-qasam għadna lura ħafna fejn jidħlu standards.  Dan minkejja li l-prezzijiet tal-bini sploda ‘l fuq dawn l-aħħar snin.  Hu għalhekk li dan iċ-ċaqliq inħoss li barra l-ħaddiema ser igawdi wkoll il-konsumatur.  

Hu importanti li l-ħaddiema jkunu mħarsa.  Dan jgħin biex il-ħaddiema jkunu aktar jistgħu jikkonċentraw fuq dak li jkunu qed jaħdmu għaliex għandhom moħħhom mistrieħ li mhux qegħdin fil-periklu.  Fuq kollox dan jibda jiġbed lejn dan is-settur nies aktar kapaċi.

Standards oħra

Meta jkollok xi ħaġa li ilha ma tiċċaqlaq, ikun diffiċli biex tibda.  Hu għalhekk li hu importanti li l-Gvern intrabat li ser jibda jdaħħal dawn l-istandards immedjatament.  Ir-raġuni hi li barra dawn l-istandards hemm standards oħra li hemm bżonn li nibdew indaħħluhom għaliex f’ċertu oqsma ma għandna l-ebda standard.  Hu għalhekk importanti li l-emfażi tkun li noħolqu proċess biex ikollna żvilupp kontinwu u b’hekk mhux biss intejbu l-kwalita’ tal-ħajja tagħna imma naraw li t-tibdil isir b’pass normali imma kontinwu.   

Hemm ħafna oqsma fejn għadna lura ħafna għalkemm xi passi diġa’ ttieħdu.  Qasam minnhom hu kemm l-istruttura tal-bini qed jagħti kas l-enerġija. Din hi xi ħaġa li ftit huma dawk li jagħtu kasha. Li mhux qed nirrealizzaw hu li jekk ma nagħmlu xejn f’dan il-qasam ser ikollna kriżijiet f’setturi oħra bħal ma diġa’ ġara s-sajf li għadda li minħabba li l-bini tagħna m’għandux standard għoli fil-qasam tal-enerġija, kellna problemi kbar fis-settur tal-elettriku.  

Dan barra l-fatt li ftit ta’ għexieren ta’ snin oħra, l-UE ser tistabilixxi standards għoljin li kull bini jkun irid iżomm magħhom biex jintuża.  Pajjiżi oħra diġa’ bdew jieħdu passi.  Franza diġa’ imponiet standards f’dan il-qasam u jekk ma jintlaħqux ma jkunux jistgħu jintużaw la mis-sidien u lanqas jinkrew.

Awtoritajiet

Ħarġet ukoll id-distinzjoni bejn Awtorita’ u l-Ministeru.  Konna mlejna kullimkien b’Awtoritajiet.  Kull qasam għandu xi awtorita’.  Biss ftit huma dawk li jaraw distinzjoni tar-rwol ta’ Ministeru u ta’ Awtorita’.  Għalija rwol ta’ Ministru hu li jidditermina targets u direzzjoni fejn għandu jsir l-iżvilupp.  Għandu wkoll jiddeċiedi sakemm dawn it-tibdiliet għandhom isiru.  Parti mir-rwol tiegħu hi wkoll li jara li l-Awtorita’ tas-settur qed taqdi dmirha.

Ir-rwol ta’ Awtorita’ hi l-ewwel li tara li hemm infurzar tal-liġijiet li diġa’ għandna.  Imma hi trid tara wkoll kif nistgħu niżviluppaw is-settur, sew biex nespanduh u sew biex intellgħu l-istandards.  Barra minhekk hu dmir tagħhom ukoll li jaraw li jekk hemm xi affarijiet, sistemi u anki liġijiet li m’għadhomx tajbin għall-ħajja preżenti, għandhom jaraw li jibdlu dawn is-sistemi li jaqgħu taħthom u anki jissuġġerixxu tibdil sew fil-liġijiet u anki fid-direzzjoni tal-iżvilupp.

Hemm awtoritajiet li jemmnu li xogħolhom hu li jedukaw lis-settur li jaqa’ taħthom.  Għalija xogħolhom hu li jiddeċiedu l-istandard tal-ħaddiema u s-settur tal-edukazzjoni u anki l-unjins li jaraw li hemm mezzi biex il-ħaddiema jiżviluppaw.

Barra dan iridu jaraw li s-settur qed jimxi ‘l quddiem fl-istandards biex itejjeb is-servizz li jkun qed jagħti.  Illum ħafna mill-awtoritajiet jistennew li l-UE toħroġ xi Direttiva jew Regolament biex ibiddlu l-liġijiet.  Jien nemmen li barra dan għandhom jaraw jekk il-liġijiet li għandhom għadhomx tajba.  Ma ninsewx li l-ħajja qed tinbidel u l-ħtiġiet jinbidlu.  

Hu għalhekk li l-Awtoritajiet għandhom jibdew jieħdu r-responsabbilta’ tar-rwol tagħhom.

Inħarsu ‘l quddiem

Dawn huma ftit passi li jgħinu biex nibdlu l-kultura tagħna li nibdew inħarsu lejn il-passat biex nitgħallmu u npoġġu pjani ġodda biex niżviluppaw kull settur. 

Ekonomija

Sport