Sunday, December 22, 2024

L-INKURUNAZZJONI TAR-RE KARLU III

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

F’dan it-tmiem il-ġimgħa li qegħdin fih, ġewwa r-Renju Unit, sejra ssir l-inkurunazzjoni tar-Re Karlu t-Tielet flimkien ma’ dik tal-mara tiegħu Camilla li sejra tiġi inkurunata bħala reġina. Dan wara li f’Settembru li għadda, ħalliet din id-dinja r-Reġina Eliżabetta t-Tieni, omm l-istess Karlu. Din l-inkurunazzjoni sejra tagħmel lil Karlu l-ixjeħ Re li qatt kellu r-Renju Unit.

F’dan it-tmiem il-ġimgħa sejjer jiġi implimetat il-programm kollu li issa ilu jiġi mħejji sa minn appuntu Settembru li għadda, programm li ngħata l-istess stramb ta’ Golden Orb. Minbarra l-inkurunazzjoni per-se, dan il-programm jinkludu purċissjonijiet, ċelebrazzjonijiet tal-massa kif ukoll kunċerti ta’ kull tip ta’ mużika. Bis-saħħa ta’ din l-inkurunazzjoni, l-poplu Ingliż u dawk kollha li jiffurmaw ir-Renju Unit, sejrin ikollhom ġurnata vaganza nhar it-Tnejn li ġejjin, ġurnata li fiha l-poplu ġie mistieden li jipparteċipa f’attivitajiet li ħafna minnhom huma relatati mal-għaqdiet mhux governattivi li tant huma għal qalb ir-Re l-ġdid.

L-inkurunazzjoni

L-inkurunazzjoni tar-Re Karlu mistennija tibda llum s-Sibt 6 ta’ Mejju, għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu. Bħal kull inkurunazzjoni simili li saret f’dawn l-ahhar 900 sena, din sejra ssir ġewwa l-Katidral ta’ Westminister u kif ġara’ sa mill-1066, din l-inkurunazzjoni sejra tkun iċċelebrata mill-Arċisqof ta’ Canterbury.

Skont bulettin li għadu kemm ġie ppubblikat minn Buckingham Palace, din l-inkurunazzjoni sejra tkun simili ħafna għal dik tar-Reġina Eliżabetta li seħħet fl-1953 u li kienet ġiet trażmessa għall-ewwel darba fuq it-televiżjoni.

Biss, dejjem skont l-istess bulletin, minkejja li din sejra tinkludi ħafna miċ-ċerimonji tradizzjonali bħall-ġurament li fih ir-Re jaħlef li huwa sejjer imexxi skont il-liġijiet tal-pajjiż u t-tagħlim tal-Knisja Anglikana, it-tidlik taż-żejt li bih ir-Re jinqata’ mill-bqija tan-nies u jingħata bħal status kważi divin u l-preżentazzjoni tar-Re lill-poplu magħruf bħala ‘l-gieħ tal-poplu’, din l-inkurunazzjoni sejra tkun qiegħda ‘tieħu ħsieb ir-realtajiet ġodda li żviluppaw fost il-poplu’, realtajiet li jinkludu diversi reliġjonijiet oħra apparti ta’ dik Anglikana.

Tant huwa hekk li appuntu d-dlik biż-żejt mistenni jsir wara purtiera sabiex jigu rrispettati r-religjonijiet diversi u mhux kif kien sar dak tar-Regina Elizabetta fil-miftuħ. Ta’ min jgħid ukoll li differenza oħra li mistennija ssir fl-inkurunazzjoni tal-lum hija li r-Re Karlu mistenni jkun l-ewwel Re Ingliż li sejjer jinstema’ jgħid it-talb tiegħu, talb li nkiteb għalih apposta għal din l-okkażjoni.

Qabel ma jiġi nkurunat bil-Kuruna ta’ San Dwardu, kuruna magħmula kollha kemm hi mid-deheb u li fiha aktar minn mitt ħaġra prezzjuża u wara joqgħod bilqiegħda fuq it-tron ta’ San Dwardu jżomm f’idejh diversi oġġetti simboliċi, ir-Re mistenni jasal mar-Reġina u membri oħra tal-familja rjali bil-mixi minn Buckingham Palace. Ta’ min jgħid li din il-mixja hija ħafna iqsar minn dik li kienet għamlet ommu fl-1953.

Il-Mistiednin

Filwaqt li fl-inkurunazzjoni tar-Reġina Elizabetta kienu ġew mistiedna xejn anqas minn 8,000 persuna distinta minn kważi 130 pajjiż differenti, din id-darba n-numru ta’ nviti li nħarġu kien biss ta’ elfejn. Ir-raġuni li ngħatat minn Buckingham Palace għal dan it-tnaqqis drastiku kienet sabiex jigu osservati l-liġijiet tas-saħħa u s-sigurtà f’okkażjonijiet tal-massa. Minbarra li naqqas in-numru tal-mistiedna uffiċjali, ir-Re Karlu għażel li jistieden mistiednin differenti. Fil-fatt, ħafna mill-inviti ngħataw lil membri tal-organizzazzjonijiet filantropiċi li tant iħobb ir-Re. Sabiex dan kien possibbli, tnaqqsu bil-kbir in-numru ta’ inviti allokati għall-politiċi.

Inkurunazzjoni ddominata mill-mużika

Interessanti ħafna li r-Re għażel li l-mużika li sejra tindaqq waqt iċ-ċerimonja hija waħda Griega. Dan sejjer isir bħala sinjal ta’ rispett għal missier Karlu, l-Prinċep Filippu, li kien ta’ nisel Grieg. Minbarra f’din il-muzika Griega, waqt l-inkurunazzjoni mistenni jiġi mżanżan innu gdid tal-inkurunazzjoni miktub mill-kompożitur ċelebri Lord Lloyd Weber.
Minbarra l-mużika tal-inkuruzzjoni sejjer jiġu organizzat kunċert għall-poplu li mistenni jkun trażmess fuq diversi big-screens madwar ir-Renju Unit kollu, kunċert li fih sejrin jieħdu sehem it-Take That, Andrea Boccelli, Katy Perry u Lionel Ritchie.

Festa Nazzjonali għall-Ingliżi

Nhar it-Tnejn li ġej, il-poplu Brittaniku ngħata ġurnata ta’ mistrieħ, ġurnata li fiha r-Re Karlu qiegħed jistenna li l-poplu jingħaqad miegħu u jgħin lill-għaqdiet mhux governattivi li Karlu issa ilu kważi nofs seklu jieħu ħsiebhom. Fil-fatt, huwa mistenni li xejn anqas minn 6 miljun ruħ jieħdu sehem f’din l-inizjattiva li ngħatat l-isem tal-Big Help Out.

Naturalment it-tabloids Ingliżi ma naqsux milli joħorġu ħafna stejjer assoċjati mal-familja rjali matul dawn l-aħħar jiem. Fuq quddiem nett kien hemm ħafna artikli fuq il-ġlieda li issa ilha għaddejja x-xhur bejn il-Prinċep Harry u l-istess Karlu fuq kif allegatament kien tiġi ttrattata mart Harry meta dawn kienu għadhom joqogħdu ġewwa Buckingham Palace qabel marru joqogħdu ġewwa l-Istati Uniti.
Biss, milli jidher, b’mod ġenerali l-poplu Ingliż għadu wara l-monarkija, haga li hija riflessa fl-entużjażmu li bħalissa hemm għall-Inkurunazzjoni tar-Re Karlu t-Tielet.

Ekonomija

Sport