Friday, December 13, 2024

L-INKWIET TAL-INFLAZZJONI

Aqra wkoll

L-inkwiet dwar l-għoli tal-prezzijiet mhux se jbatti malajr. Sa issa, dik tidher bħala l-aktar ħaġa probabbli. Dwar kif se jinfirex u fejn se jkun l-aktar akut, ftit li xejn wieħed jista’ jgħid. 

Għal snin, id-dell tal-inflazzjoni twarrab bil-kbir tista’ tgħid minn fuq l-ekonomiji kollha. Il-kriżi finanzjarja tal-2008 – 2012 bħal qatlitu għal kollox. Qam l-inkwiet li l-investimenti se jibqgħu lura u l-ekonomiji jistaġnaw jew kważi, mingħajr niskata jew aktar ta’ inflazzjoni. 

Bil-Covid, l-affarijiet inbidlu xi ftit. It-tħarbit tal-produzzjoni u tat-trasport dinji ġabu skarsezzi li ċaqalqu l-prezzijiet ’il fuq. Imma dan kien deni li se jgħaddi malajr, baqa’ jintqal.

Il-gwerra ta’ Putin fl-Ukrajna bis-sanzjonijiet kontra r-Russja li ġabet magħha mill-potenzi tal-Punent bidlet ix-xenarju radikalment. L-iskarsezzi u l-għoli fil-prezzijiet li qed jirriżultaw fl-oqsma  tal-ikel u l-enerġija mhux se jitwittew f’tebqa ta’ għajn. Se jgħollu l-prezzijiet f’oqsma oħra.

L-inflazzjoni li skattat illum x’aktarx li se tiżviluppa b’mod għal kollox differenti mill-mewġiet tal-imgħoddi.

***

WARA L-WAQFA

Meta dan l-aħħar żort postijiet fejn kienu qed jarmaw għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid, ammirajt il-ħeġġa u l-impenn ta’ dawk li kienu qed jorganizzawhom. Imwejjed tal-Appostli għall-aħħar ċena, wirjiet ta’ vari magħmula fiċ-ċokon, tħejjijiet għal pageant tal-Ġimgħa l-Kbira – kollha ħidmiet li x-xogħol fuqhom kien ilu għaddej il-ġimgħat, biex ma ngħidx ix-xhur. 

Kollox kif niftakru mis-snin ta’ qabel. Qabel il-Covid-19. Għalkemm b’rankatura, li kif wieħed jistenna, għadha qed tistabbilixxi ruħha. 

Laqtuni xi rimarki li saru minn dawk involuti: għadhom mhumiex ċerti… anzi uħud dehru mħassba… dwar jekk l-affarijiet jistgħux imorru għal kollox għal kif kienu “qabel”. Id-drawwiet u l-interessi tan-nies jistgħu jinbidlu b’waqfa ta’ sentejn, kemm fost il-voluntiera li jarmaw u kemm fost il-publiku.

***

IL-GWERRA PATRIJOTTIKA L-KBIRA

Reġa’ ġie f’idi ktieb, ilu sew mixtri, maħruġ f’Moska fis-sena 1967 dwar il-ġurnali Russi/Sovjetiċi ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Għar-Russja, din kienet il-Gwerra Patrijottika Kbira, li matulha l-pajjiż tilef mal-14 fil-mija tal-popolazzjoni tiegħu.

Il-ktieb jittratta kif il-ġurnali ta’ fuq il-front militari wasslu r-rapporti tagħhom ta’ li kien qed jiġri. Bla ma trid, tibqa’ impressjonat dwar kif ħafna mir-rapportaġġi li jissemmew huma dwar żviluppi fuq il-front tal-Ukrajna (u tal-Bjelorusja). Jidher sew kemm fil-ħidmiet imdemmija biex jilqgħu għall-invażjoni tat-truppi Nażisti, Ukrajni u Russi kienu magħquda u determinati: flimkien se jreġġgħu lura lill-agressur.

X’ironija f’li qed iseħħ illum, meta Ukrajni u Russi qed jitqatlu bejniethom bla ebda ħniena. Dil-gwerra ta’ bejn l-aħwa qatt ma messha ttellqet. Min tellaqha irid iġorr responsabbiltà kbira quddiem l-istorja. 

Ekonomija

Sport