Friday, December 13, 2024

L-INNOVAZZJONI GĦAL MALTA TAL-LUM U TA’ GĦADA

Aqra wkoll

Is-settur tar-riċerka għandu valur kbir u hu fost il-pilastri ewlenin li fuqu trid tinbena l-ekonomija Maltija. Is-setturi tar-riċerka u l-innovazzjoni jagħtu lill-pajjiżna l-opportunità tar-rinnovament biex pajjiżna jibqa’ joħloq aktar ġid għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Għandu wkoll is-saħħa li jtejjeb ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u li jattiraw l-investiment lejn il-pajjiż. Mhux biss, imma l-ewwel ma’ jattiraw ikun it-talent li mbagħad jattira l-investiment u għalhekk Gvern Laburista dejjem kien favur it-tkattir tal-kultura u l-kuxjenza favur ir-riċerka u l-innovazzjoni. 

Dan huwa settur importanti ħafna wkoll għal SME’s li għadhom l-fibra tal-ekonomija Maltija. Tassew, in-negozji żgħar u medji wrew reżiljenza u innovazzjoni liema bħalha fi żmien diffiċli tal-pandemija. Bosta raw li jkunu innovattivi tant li minnufih raw li jwaqqfu pjattaformi diġitali tagħhom u oħrajn welldu n-negozju tagħhom online, pass kuraġġuż li wassalhom għas-suċċessi tal-lum.  

Dan huwa settur li minn dejjem emmint fil-potenzjal tiegħu. Kien għalhekk li fl-2014 varajt proġett edukattiv, E-Biz li kellhu l-għan ewlieni li jiffoka fuq sitt pilastri tal-ekonomija Maltija u jgħinhom jevolvu mill-aspett diġitali permezz ta’ taħriġ. It-temi prinċipali indirizzati f’dan il-proġett kienu jinkludu; e-commerce, e-marketing u e-government services.

Minn dejjem emmint fil-potenzjal tal-inNovazzjoni. Kien għalhekk li fl-2014 varajt proġett edukattiv, E-Biz .

Minn hawn insellem lill-ħaddiema kollha li jaħdmu u jservu fir-riċerka, fl-iżvilupp u fl-innovazzjoni. It-talent tagħhom fis-settur huwa importanti ħafna u tajjeb li l-pajjiż japprezzahom u jinċentivahom biex jissoktaw jaħdmu u jġibu ’l quddiem l-interessi ta’ pajjiżna f’dawn is-setturi, fosthom billi l-Gvern jalloka aktar flus għal proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni. 

Dan huwa settur li Gvern Laburista jemmen fih bil-fatti tant li huwa tema primarja fil-Viżjoni Ekonomika tal-Gvern għall-għaxar snin li ġejjin, huwa prijorità fil-100 IDEA tal-Partit Laburista u huwa settur li l-gvern qed jenfasizza ħafna fuqu fil-Budget 2022.

Dan huwa settur li l-gvern jemmen fih bil-fatti permezz ta’ inizjattivi li qed jieħu fosthom id-delegazzjoni ta’ Malta preżenti għad-Dubai Expo 2020 mmexxija mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri fejn Malta, fost pajjiżi oħra, esebixxiet il-potenzjal tagħha fir-rigward ta’ opportunitajiet ta’ negozju inkluż is-settur tal-innovazzjoni. Il-gvern riċentament anke nieda fond ta’ €125,000 għal proġetti ta’ riċerka fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali.

Il-Gvern jemmen f’dan is-settur bil-fatti billi għas-sitt snin li ġejjin qed jinvesti €470 miljun li bihom qed jara li ż-żoni industrijali ta’ pajjiżna mhux biss jingħataw wiċċ ġdid, iżda li l-ispazju jiġi mqassam bl-aħjar mod sabiex jospita ġo fih iżjed investimenti ġodda. Fosthom dan l-investiment jinkludi €101 miljun immirat biex jospita LifeSciences, industriji relatati mat-teknoloġija u industriji oħrajn b’għarfien intensiv, €14-il miljun fil-bini mill-ġdid tal-Kordin Business Incubation Centre (KBIC) li se joħloq spazju għan-negozji ġodda, €30 miljun se jsir fil-bini ta’ toroq ġodda fiż-żoni industrijali jew titjib ta’ dawk eżistenti, l-iktar fiż-żoni industrijali ta’ Ħal Far, Bulebel, Marsa, Kordin, u San Ġwann u Ħal Luqa.

Il-gvern jemmen f’dan is-settur billi Malta fis-snin li ġejin se tkompli tħares lejn industriji tat-teknoloġija emerġenti fid-dinja diġitali. Fosthom insibu setturi bħal ICT, Cloud Computing, Machine Learning, Data Analytics, Internet of Things, Blockchain Esports, Gaming u VideoGames Development. Il-Ministru għall-Industrija qal kif l-għan huwa li jkomplu jinħolqu iżjed opportunitajiet ta’ karrieri prominenti għaż-żgħażagħ.

Għad baqa’ xi jsir? Ħafna. Hemm bżonn li jiġu varati inizjattivi similari għal E-Biz sabiex inkomplu ninvestu fir-riżorsi umani u fl-upskilling tagħhom. Hemm bżonn li nintroduċu l-kunċett ta’ innovazzjoni fil-kurrikulu edukattiv sabiex il-ġenerazzjoni ta’ għada tifhem l-importanza tagħha. Hemm bżonn li nużaw aktar stejjer ta’ suċċess biex iservu ta’ stimuli għal intraprizi oħrajn biex jinvestu fl-innovazzjoni.

Din hija l-viżjoni tal-Gvern Laburista għal Malta f’settur tant importanti għall-ekonomija lokali. Dan huwa dak li Gvern Laburista bil-fatti qed iwitti u jimplimenta għal Malta tal-lum u ta’ għada. Dan huwa dak li nemmen fih jien bħala politiku, bħala imprenditur, bħala ċittadin u wisq aktar bħala missier. Dan huwa dak li jagħmel il-Partit Laburista l-għażla naturali fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Ekonomija

Sport